L-Arċisqof Malti ta’ Tiranna-Durres, Mons. George Frendo O.P., inħatar bħala l-President il-ġdid tal-Konferenza Episkopali fl-Albanija. Qabel inħatar president, Mons. Frendo kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-istess Konferenza Episkopali.
L-Isqof tal-Albanija ta’ Isfel, Mons. Giovanni Peragine, inħatar bħala l-Viċi President, filwaqt li l-Isqof ta’ Rreshen, Gjergj Mera laħaq Segretarju Ġenerali.
Mons. Frendo twieled Ħal Qormi fl-4 ta’ April 1946 u wara li temm l-edukazzjoni primarja u sekondarja ħaddan l-Ordni tal-Predikaturi (Dumnikan) fl-1962 u s-sena ta’ wara għamel l-ewwel professjoni tiegħu.
Huwa għamel il-professjoni solenni f’April tal-1967 u ġie ordnat saċerdot fis-7 ta’ April 1969.
Hu għallem it-Teoloġija Dommatika kemm fl-Albanija kif ukoll fl-Università ta’ Malta u huwa awtur ta’ kotba ta’ natura dottrinali u spiritwali.
F’Novembru 2016, dak iż-żmien għadu bħala Isqof Awżiljarju ta’ Tiranna-Durres, l-Albanija, il-Papa Franġisku għażlu biex ikun l-Arċisqof tal-istess djoċesi. Il-ħatra uffiċjali tiegħu saret fit-3 ta`’ Diċembru 2016, fil-Katidral ta` San Pawl f’Tiranna.