Mons Domenique Mamberti

Is-Segretarju tas-Santa Sede għar-relazzjonijiet bejn l-iStati differenti, l-Arċisqof Dominique Mamberti, indirizza t-18-il Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, miżmuma bejn is-6 u s-7 ta’ Diċembru f’Vilnius, il-Litwanja. Fl-indirizz tiegħu, Mons Mamberti ddiskuta fost temi oħra s-suġġett tal-migrazzjoni, li għas-Santa Sede jikkostitwixxi argument ta’ interess kostanti, fuq kollox, fiċ-ċirkostanzi attwali ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja. Qal li fil-komunita interessanti jeżisti kunsens wiesa’ dwar il-ħtieġa li tingħata attenzjoni ikbar għall-problema tal-immigrazzjoni. F’dal-kuntest huwa enfasizza  l-importanza tal-appoġġ fil-kwistjoni tar-ri-unifikazzjoni tal-immigranti mal-familji tagħhom, għax “il-familja tilgħab irwol fundamentali fil-proċess ta’ integrazzjoni, fl-istabbilita tal-preżenza tal-immigranti fl-amjent soċjali ġdid. Kompla li konxji mid-drittijiet tagħhom, l-immigranti jkollhom iktar sigurta fl-għoti tas-servizz tagħhom lill-komunita, u l-komunita, konxja mid-drittijiet tagħha, tkun iżjed libera biex toffri solidarjeta li twassal liż-żewġ partijiet jitgħallmu jgħixu flimkien, impenjati t-tnejn lejn futur komuni.
Mons Mamberti ma naqasx milli jindirizza wkoll l-impenji tal-Organizzazzjoni fid-difiża tal-libertajiet u d-drittijiet umani fundamentali, partikolarment il-liberta reliġjuża li qed tibqa’ tinkiser f’diversi postijiet, anke meta l-komunita internazzjonali u bosta Kostituzzjonijiet ta’ ħafna pajjiżi jaċċennaw għaliha.


DISKORS KONTRA T-TRAFFIKAR TAN-NIES

L-Arċisqof indirizza wkoll il-problema tat-traffikar tan-nies, speċjalment tan-nisa u tat-tfal għal sfruttament sesswali u anki fil-qasam tax-xogħol, jekk mhux ukoll għal skjavitu domestiku. Qal li dan sar negozju qawwi globalment li jinvolvi ħafna pajjiżi li minnhom joriġinwa in-nies, li minnhom jgħaddu jew li fihom jispiċċa t-traffikar tan-nies. Fi kliemu, fil-kumbattiment ta’ dan it-traffikar b’sens ta’ diterminazzjoni u b’tama għal kisba ta’ riżultati aħjar, hi meħtieġa konverġenza ta’ sforzi – mentalita iċċentrata fuq id-dinjita umana unika, kastig ċert għat-traffikanti, ġlieda perseveranti kontra l-korruzzjoni u anki rappurtaġġ ġust mill-mezzi tal-istampa dwar dan is-suġġett, speċjalment meta dawn jirrappurtaw il-ħsarat u konsegwenzi oħra kaġunati mit-traffikar tan-nies.