Kon-Katidral ta’ San Ġwann
23 ta’ Marzu 2016
“Morru l-belt għand it-tali u għidulu: ‘qallek l-Imgħallem is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi’” (Mt 26, 18). Dan il-kliem mill-Evanġelju ta’ San Mattew jintroduċina llum l-Erbgħa tat-Tniebri għal dawn it-tliet ijiem speċjali li nibdew minn għada filgħaxija u li fihom infakkru s-siegħa ta’ Ġesù, is-siegħa tal-arrest, it-tortura, il-passjoni, il-mewt tiegħu u li jwassluna għall-ferħ tal-Għid, il-qawmien tiegħu mill-imwiet. Din is-siegħa meta l-Mulej jitgħolla biex jiġbed lid-dinja lejn il-qalb ħanina tiegħu. Nistgħu ngħidu li l-mewt li hija passaġġ, li hija pass ħaj ta’ kull ragħaj spiritwali, hija wkoll siegħa ta’ tbatija, is-siegħa li minnha jgħaddi mill-mewt, mill-ġudizzju, għall-ħajja. Is-siegħa li fiha r-ragħaj jiltaqa’ mar-Ragħaj ta’ dejjem, Ġesù Kristu, li jgħannqu miegħu u jgħidlu: “idħol fil-hena ta’ Sidek, qaddej fidil u għaqli”.
Aħna ġejna hawnhekk qabel xejn illum biex inġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien mill-imwiet, fil-maħfra tad-dnubiet, fix-Xirka tal-Qaddisin. Qegħdin noffru s-sagrifiċċju ta’ Ġesù stess għall-ħuna u missierna l-Arċisqof Emeritu Ġużeppu Mercieca b’suffraġju imma wkoll b’ringrazzjament.
Il-kelma ta’ Alla llum hija dik tal-ġurnata u l-profeta Isaija, li jinqara’ f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa, jitkellem fuq qaddej, qaddej li huwa totalment disponibbli għar-rieda ta’ Alla u li lest jagħti ħajtu anke f’mumenti diffiċli ħafna, anke meta huwa ffaċċjat mit-theddid u l-persekuzzjoni, għax il-fiduċja tiegħu hija fil-Mulej.
Imma dan il-kuraġġ tal-qaddej ta’ Alla jiġi mill-ubbidjenza tiegħu “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi” (Is 50, 5). Il-Mulej feta il-widna tal-qalb u l-widna tar-ruħ ta Ġużeppi Mercieca hu u jitrabba fil-gżira għażiża ta’ Għawdex u jieħu l-fidi minn ommu u minn missieru, mill-parroċċa ta’ San Ġorġ martri, fir-Rabat Għawdex, mis-Seminarju, minn ħutu s-saċerdoti, u anke l-Capranica ġewwa l-belt ta’ Ruma. Ġużeppi Mercieca qatt ma webbes rasu quddiem il-kelma u r-rieda tal-Mulej mhux għax ma kienx persuna determinata, jew sod fil-kelma tiegħu, imma quddiem Alla kien ta’ doċilità eżemplari. “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jien ma webbistx rasi”.
L-ewwel tagħlima li nieħdu mir-ragħaj u missier li ħalliena, imma li għadu magħna fix-Xirka tal-Qaddisin, hija din id-disponibbiltà, li aħna fl-istorja ta’ ħajjitna, fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja, ikunu xi jkunu, ngħarfu l-kelma tal-Mulej. Bil-għaqal tiegħu jgħidilna: ‘tippretendux li dejjem is-sajf,’ għalkemm ix-xita ftit rajna minna dis-sena, imma f’kull ħajja, anke kull ħajja ta’ nazzjon ikun hemm is-sajf, ikun hemm ir-rebbiegħa, ikun hemm ukoll il-ħarifa u xi ftit xitwa wkoll. Hu kien ragħaj għal kull staġun. Dak li jingħad fuq St Thomas More joqgħod tajjeb ukoll għal Mons. Mercieca: ‘A man for all seasons’ li baqa’ bniedem ta’ umiltà, ta’ ħlewwa, ta’ fidi u ta’ kuraġġ kemm fix-xitwa u kemm fir-rebbiegħa.
Huwa tana eżempju, li l-aħħar kelma hija l-kelma tar-raġuni, tal-ftehim, ta’ djalogu. Hija lezzjoni li ngħożżu u li nirringrazzjaw lill-Mulej. Aħna u nitgħallmu minnu, irridu nifhmu li din hija lezzjoni li qed jagħtina l-Mulej permezz ta’ Mons. Mercieca. “Sidi l-Mulej fetaħli widinti u jiena ma webbistx rasi, ma ħbejtx wiċċi mit-tgħajjir u l-bżieq”. Kien bniedem li wera kuraġġ kbir meta kellu bżonn juri kuraġġ kbir quddiem il-kuntrarju, quddiem il-vjolenza, quddiem il-persekuzzjoni: “Sidi l-Mulej jgħini, għalhekk ma nitħawwadtx”.
Imma ma ninsew qatt ukoll il-ferħ u t-tbissima fuq wiċċu meta f’dan il-Kon-Katidral laqa’ lil San Ġwann Pawl II fl-ewwel żjara tiegħu fl-1990. Ix-xitwa kienet għaddiet u f’Mejju tal-1990, dik ir-rebbiegħa ħelwa li tat nifs lill-Knisja li reġgħet sabet il-libertà li għandha bżonn.
Jiena nsellimlek, għażiż Mons. Mercieca talli inti kont difensur tal-libertà mingħajr qatt ma ċedejt għat-tentazzjoni tal-vjolenza, jew tax-tixwix. Insellimlek talli int kont missier ta’ kulħadd mingħajr eċċezzjoni. Jiena wieħed minn dawk it-326 saċerdot li inti ordnajt għall-Ordni Sagri – nibqgħu niftakru fil-paternità spiritwali li dejjem urejt magħna anke meta kellek bżonn tgħaddilna xi kelma iebsa, forsi b’xi espressjoni Għawdxija li mhux dejjem nifhmu mal-ewwel imbagħad terġa tispjegahielna b’paċenzja kbira, u dejjem tispiċċa b’dik l-espressjoni “u l-Madonna tgħinek” – u anke San Ġużepp.
Kellu devozzjoni speċjali, nistgħu naħsbu li hija naturali, lejn San Ġużepp. San Ġużepp fuq Ġesù, uża’ din il-paternità spiritwali li kienet ta’ għożża, ta’ kura. Aħna nirringrazjaw lill-Mulej talli fl-Arċisqof Ġużeppi Mercieca tana dan l-eżempju sabiħ ta’ paternità spiritwali. Għalhekk inħossu li tlifna missier aħna llum. Il-missier naturali, ngħożżuh u meta nitilfuh, nibkuk u llum ukoll nibku it-telfa tal-missier spiritwali tagħna.
Jiena nixtieq nirringrazzja lilek, għażiża President tar-Repubblika, nixtieq nirringrazzja lill-Ororevoli Prim Ministru, rappreżentat mill-Ministru Evarist Bartolo, tal-kooperazzjoni sħiha, tal-preżenza tagħom. Nirringrazzja lill-Ispeaker, lill-Ġudikatura, lill-membri tal-Parlament tagħna. Nixtieq imma nirringrazzja lill-familja Tabone: lil Joyce, lil Kate u anke lil George id-driver – mingħajr ma ninsa’ lil Charles Buttigieg li qara l-lezzjoni – dawn huma nies li lil Mons. Mercieca wrewh lealta kbira. Insellem ukoll lill-membri tal-familja tiegħu li ġew minn Għawdex, u lill-għażiż Isqof Mario. Hija preżenza lil din id-djoċesi li tatna dan ir-rigal għaliex Ġużeppi Mercieca huwa ġawrha u glorja tal-gżira għażiża ta’ Għawdex.
Aħna, mingħajr ma jistqollna gawdejna mill-għerf, mill-għaqal, mit-tjubija ta’ dan ir-raġel kbir. “Emmint u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4, 13). Kull kelma li lissen Mons. Mercieca kienet ġejja minn fidi qawwija fil-Mulej, kienet mnissla ukoll minn tama li aħna ngħaddu mid-dlam għad-dawl u li aħna msejħin għall-glorja biex il-grazzja li hija l-ħniena, li hija l-imħabba ta’ Alla, tilħaq ħafna bnedmin oħra u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr għall-glorja ta’ Alla (v 6). “Emmint u għalhekk tkellimt”. Jekk f’ġismu kellu jġorr il-mewt ta’ Ġesù, ta’ bniedem dgħajjef li kien, imma offra ħajtu biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Ma kienx oratur straordinarju imma l-kelma tiegħu kienet essenzjali, li tikkomunika l-fidi lill-qalb ta’ dak li jkun, imma fuq kollox dak li kien jattirak lejn Ġesù fih, kienet l-imħabba tiegħu għal kulħadd b’mod speċjali l-morda u l-batuti.
Dan huwa patrimonju li ħallielna Mons. Mercieca u li aħna ngħożżu, li tiegħu nirringrazzjaw lill-Mulej, u nwegħdu lil dan l-għażiż missier tana li ħalliena, li nitgħallmu minnu, li fil-qalb tagħna jkun hemm spazju u post għal kulħadd biex inkunu tassew: “ilkoll aħwa fi Kristu”. Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem, Amen.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta