Fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, filwaqt li l-Isqof Charles J. Scicluna ser imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jsiru fil-Katidral tal-Imdina.
Nhar Ħamis ix-Xirka fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, fid-9.30a.m., tibda ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut Imqaddsa. Flimkien ma’ l-Arċisqof u l-Isqof Awżiljarju, f’din iċ-ċelebrazzjoni jieħdu sehem saċerdoti djoċesani u reliġjużi. L-Arċisqof ibierek iż-Żjut Imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tal-Griżma tal-Morda, tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u l-Ordni Sagri. Is-saċerdoti preżenti jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali.
Nhar Ħamis ix-Xirka wkoll, fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, fis-6.30p.m., issir it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof jittrasporta s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara. L-Isqof Charles Scicluna ser imexxi t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina, fis-6.30p.m.
Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30p.m., l-Arċisqof imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Matul iċ-ċelebrazzjoni jinqara r-Rakkont tal-Passjoni u jsiru l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin. L-Isqof Charles Scicluna ser imexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina, fit-3.30p.m.
F’Sibt il-Għid, fit-8.00p.m., l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid. Iċ-ċelebrazzjoni tibda bit-Tberik tan-Nar il-ġdid u tkompli bil-Liturġija tal-Kelma, il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija tal-Ewkaristija. L-Isqof Charles Scicluna ser imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid fil-Katidral tal-Imdina, fit-8.00p.m.
Nhar Ħadd il-Għid, fid-9.15a.m., l-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej. Wara jagħti l-Barka Appostolika bl-Indulġenza Plenarja. L-Isqof Charles Scicluna ser jiċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali tal-Għid il-Kbir tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina, fid-9.30a.m.