L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hemm żewġ mumenti fl-Evanġelju tal-lum, meta d-dixxipli isibu ruħhom f’diffikultà kbira. Jerġgħu jisimgħu lil Ġesù jitkellem, dwar il-persekuzzjoni tiegħu: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt” (Mk 9:31). Ma jitkellimx biss dwar il-persekuzzjoni tiegħu, imma wkoll dwar din il-ħaġa straordinarjament ġdida, li xi ħadd wara tlitt ijiem iqum mill-mewt. L-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna, li “ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh” (Mk 9:32). Aħna ħafna drabi nsibu ruħna f’din id-diffikultà. Imma eżattament xi trid tagħmel Mulej b’ħajti jew xi trid tgħid? Kultant nibżgħu nistaqsuh lill-Mulej – għax ma nifhmuhx jew għax nibżgħu mir-risposta li se jagħtina.

Hemm mument ieħor ta’ diffikultà fid-dixxipli, meta l-Mulej din id-darba jistaqsihom fuq xiex kienu qed jitkellmu fil-vjaġġ lura lejn Kafarnahum: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” (Mk 9: 33). Huma wkoll jibqgħu siekta, donnhom mhux imħassbin, imma mtaqlin b’sens ta’ ħtija. Almenu xi ħaġa minn Ġesù kienu fehmu, la jħossu din id-diffikultà “għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar” (Mk 9:34).

Imbagħad waqt li jgħallimhom li kellu jkun miċħud u jqum mill-imwiet wara tlitt ijiem, wara l-mewt tiegħu; jgħallimhom ukoll tagħlima importanti li diffiċli kultant nifhmuha u ngħixuha. “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35).

Kemm hi għażla feliċi dik tal-ewwel qari llum mill-Ktieb tal-Għerf. Din is-silta mill-Ktieb tal-Għerf, ma tantx fiha pożittiv imma hi l-isfida tal-ħżiena għall-bniedem ġust. Għal dak li forsi minkejja d-difetti tiegħu, qed jipprova jagħmel ir-rieda ta’ Alla, u qed jagħmel it-tajjeb. U l-idea tal-għedewwa tal-bniedem ġust hu li jonsbuh, li jumiljawh, li jaraw ftit kliemu jekk hux veru, jew jekk hux ipokrita; u jisfidaw ukoll lil Alla. “Jekk il-ġust hu iben Alla, jaqbeż għalih Alla, u jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu” (Għerf 2:17). L-għedewwa tal-ġust iġarrbuh bit-tagħjir u l-moħqrija, u jgħidu: nagħmlu hekk “biex naraw xi tjubija għandu u nkejlu sa fejn jasal sabru” (Għerf 2:19). Għax il-bniedem ġust irid jibqa’ konvint u persważ mit-tjubija u l-arma tiegħu hi s-sabar.

Ġesù wara kollox sab l-għadu tiegħu ħdejh, jiekol miegħu, wieħed mit-tnax. Xi ħaġa li baqgħet tinkwetah sal-aħħar, li forsi kienet ukoll parti mill-martirju tiegħu. “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin” (Mk 9:31). U din l-għotja hi wkoll it-tradiment tal-ħabib, ta’ xi ħadd li inti tafda, u tħossok mibjugħ, umiljat, iċċensurat u kkritikat minn xi ħadd ta’ ġewwa. Hi l-prova li jgħaddi minnha l-ġust u li tkejjel is-sabar tiegħu. Imma r-risposta tal-ġust għal-għedewwa tiegħu hi f’idejn Alla.

U Ġesù hekk għamel, fuq is-salib, intelaq f’idejn Alla; “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46); nintelaq f’idejk. “Kollox mitmum” (Ġw 19:30); temmejt ir-rieda tiegħek, għalhekk dħalt fid-dinja. U l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù, li aħna niċċelebraw kull nhar ta’ Ħadd, hu r-risposta ta’ Alla, huwa u jiddefendi lill-ġust. Il-ġust mhux bilfors jieħu l-premju f’din il-ħajja. San Ġorġ Preca kien jiddistingwi bejn sentenza tajba li tagħtik id-dinja, anke sħabek; u s-sentenza ġusta li jagħti l-Mulej li jara l-qalb.

Ġesù, waqt li jgħallem lil sħabu xi tfisser terfa’ fuqek ir-responsabbiltà, qed jgħallimhom l-istil tiegħu ta’ tjubija, ta’ sabar, ta’ paċenzja, għax dak ukoll ifisser, li toqgħod wara kulħadd u tkun qaddej ta’ kulħadd. U jpoġġi quddiemhom tfajjel ċkejken, “qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili”.” (Mk 9:37). Qed jgħallimna l-ewwel nett, li l-istil tiegħu hu dak ta’ akkoljenza, li nilqgħu lil xulxin. U l-akkoljenza tagħna fl-ispirtu tiegħu, mhix xi ħaġa li tħares lejn l-uċuħ jew d-dinjità soċjali ta’ dak li jkun, imma titħaddan saħansitra liċ-ċkejknin u liż-żgħar. U għalhekk jagħżel it-tfajjel ċkejken; u jieħdu bħala l-eżempju ta’ min jixtieq tassew li jkun milqugħ; u għax min jilqa’ lit-tfajjel ċkejken ikun jilqa’ lilu, u min jilqa’ lilu, ikun jilqa’ lill-Missier.

Ħafna drabi aħna nibżgħu mir-regola taċ-ċaħda u tas-salib, tal-kritika ħarxa u malizzjuża. Ħafna drabi wkoll inkunu ttentati nidħlu fin-nassa ta’ ċiklu ta’ tellieqa ta’ min hu l-aqwa. Il-Mulej jgħallimna kejl ta’ tjubija, kejl ta’ sabar; imma jgħallimna wkoll li min irid ikun l-ewwel, irid ikun qaddej ta’ kulħadd. U jiena meta nipprova nifhimha din, naħseb fl-ommijiet tagħna, fil-missirijiet tal-familja, f’ħafna lajċi tagħna, li mingħajr daqq ta’ tromba jagħtu ħajjithom. Immaġinaw l-omm li qed taqleb il-platt tal-ikel u l-aħħar platt li taqleb ikun tagħha; tgħallmet fl-iskola tal-imħabba toqgħod wara kulħadd, tkun qaddejja ta’ kulħadd. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-ommijiet u l-missirijiet tagħna!           

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 2:12,17-20
Salm: 53 (54):3-4,5,6,8
Qari II: Ġak 3:16 – 4:3
L-Evanġelju: Mk 9:30-37

Aktar ritratti