-
-
Il‑Knisja f’Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana, nhar il‑Ġimgħa 24 u s‑Sibt 25 ta’ Novembru, fil‑Katekumenju, il‑Mosta. It‑tema tal-Assemblea ta’ din is‑sena hi ‘L‑Evanġelizzazzjoni u d‑Djakonija: Lejn Pjan Pastorali għall‑Arċidjoċesi’.
Matul l-Assemblea, il‑Vigarju Episkopali għall‑Evanġelizzazzjoni, Fr René Camilleri, ser jintroduċi l-ewwel parti tal-pjan pastorali għall-Arċidjoċesi, dik ta’ proposta ta’ strateġija għall‑evanġelizzazzjoni mifruxa fuq tliet snin. Din tinkludi l‑implimentazzjoni ta’ proġetti f’għadd ta’ parroċċi u skejjel. Il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina, ser jitkellem dwar il-mod li l-Papa Franġisku qed jistieden lill-Insara jilħqu u jaħdmu mal-foqra u dawk fil-periferija. Għalhekk, bħala t-tieni parti tal‑pjan pastorali, Mons. Cordina ser jippreżenta proposta ta’ azzjoni għat‑tisħiħ tal-impenn soċjali tal‑Knisja fis‑soċjetà, u proġetti pilota ġodda f’dan il-qasam.
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jagħlaq l-Assemblea bid-diskors tiegħu s-Sibt filgħodu. Għall-Assemblea Djoċesana jiġu mistiedna kemm il‑membri tal‑kunsilli l‑aktar importanti tal‑Knisja li jagħtu parir lill‑Arċisqof, kif ukoll il‑mexxejja u rappreżentanti mill‑oqsma kollha tal‑Knisja f’Malta. Fost dawn, id‑delegati tal‑Arċisqof, il‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti lajċi mill‑parroċċi kollha, il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi.
L-għada tal-Assemblea, il‑Ħadd 26 ta’ Novembru, ser tiġi ċċelebrata l‑festa liturġika ta’ Kristu Re b’Ċelebrazzjoni Djoċesana fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera. Matul iċ‑ċelebrazzjoni, li tibda fil‑5:00 p.m., ser tingħad it‑talba ta’ filgħaxija (l‑għasar) u qabel il-Barka Sagramentali, Mons. Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il-festa importanti għall-Insara. Kulħadd huwa mistieden jattendi.