L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” (Lq 11:27) L-espressjoni ta’ din il-mara li smajna fl-Evanġelju tal-lum hi wkoll espressjoni tal-Knisja llum, fis-solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija. Il-grazzja kbira li ta l-Mulej lil ġisimha li ġarr fil-ġuf tiegħu lill-Iben t’Alla magħmul bniedem li ma jarax it-taħsir. Imma jiġi rxuxtat, mhux bil-qawwa tagħha nnifisha bħalma ġara fil-każ ta’ Ġesù fl-Għid il-Kbir, imma fl-Għid tal-Assunta, hi l-ħniena t’Alla li tħares il-ġisem ta’ Marija mit-taħsir tal-qabar.

Id-dixxipli ma rawhiex tielgħa s-sema, kif ħafna drabi nġibuha fl-ikonografija tal-Orjent; id-dixxipli sabu qabar vojt. L-iskritturi, il-kitbiet antiki ħafna jitkellmu fuq ir-raqda ta’ Marija, fuq id-dormitio; jitkellmu fuq fwieħa qawwija li toħroġ mill-qabar ta’ Marija mhux ’il bogħod mill-Għolja taż-Żebbuġ, anzi f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ, ’il barra minn Ġerusalemm.

Imma din il-fwieħa hi f’kuntrast ma’ dak li nagħmlu aħna fl-esperjenza tal-intiena tal-korruzzjoni tal-ġisem tagħna li jitħassar. It-taħsir għandu din il-perċezzjoni qawwija ta’ ntiena; fil-każ ta’ Marija, l-esperjenza titwassal b’din il-fwieħa qawwija mill-qabar vojt.

Aspett ieħor mir-rakkonti antiki ħafna hi l-preżenza tal-Appostli li jiġu mill-ibgħad imkejjen tad-dinja biex ikunu xhieda ta’ din is-sejba tal-qabar vojt tal-Madonna. Għaliex? Għax din hi xi ħaġa li tixhiedha l-Knisja kollha. Mhux ta’ b’xejn li s-seklu li għadda, fl-1950, il-Qaddej ta’ Alla Piju XII, kien iddikjara l-fidi tagħna fit-Tlugħ is-Sema ta’ Sidtna Marija.

Dak li jinżera’ fl-umiltà jirxoxta fil-glorja. 

“Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” (Lq 11:27) Imma mhix kwistjoni biss tal-ġisem tal-qdusija tal-ġisem ta’ Marija, li l-Mulej ried li ma jarax it-taħsir, bħalma ma rax it-taħsir fil-ġisem ifflaġellat, imsammar, imsawwar, imbenġel ta’ Ġesù, imma l-hena tagħha hu wkoll li semgħet il-Kelma t’Alla u ħarsitha.

Din hi xi ħaġa li nistgħu nagħmluha, anke għax aħna meta jrid il-Mulej, imsejħin għal dan id-destin straordinarju tal-qawmien mill-imwiet. Kif? Ma nafux. Il-Knisja qatt ma tispjega kif. Tispjega l-fidi li jinsisti dwarha wkoll l-Appostlu Missierna, li dak li jinżera’ fl-umiltà jirxoxta fil-glorja. 

Għalhekk l-Għid tal-Assunta, dejjem se jkun ta’ tama għalina, għax il-Madonna vera hi Omm Alla, imma hi waħda minna wkoll; mhix persuna divina li saret bniedem, imma hi bniedma mwielda minn Anna u Ġwakkin. Hi l-glorja tal-ġenituri tagħha. Fit-tnissil tagħha Alla jintervjeni biex iħarisha mit-taħsir tad-dnub, fil-mewt tagħha jintervjeni biex iħarisha mit-taħsir tal-qabar.  

Nitolbu llum lill-Madonna, iġġedded fina dak li nistqarru fil-Kredu: ‘Nemmen fil-qawma mill-imwiet, fil-ħajja ta’ dejjem’. Mela li ġġedded fina din it-tama, din il-fidi. Ukoll meta naħsbu f’ħutna mejtin, ma nħarsux lejn il-qabar donnu l-aħħar kelma, imma nifhmuhom imħaddnin mir-rieda t’Alla li jrid fuqna lkoll il-qawma mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem. Ammen.      

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kron 15:3-4,15-16; 16:1-2
Salm: 131:6-7,9-10,13-14
Qari II: 1 Kor 15:54-57
Evanġelju: Lq 11:17-28

More Photos >>