L-Azzjoni Kattolika (Nr tal-VO: 1743) bdiet f’Malta permezz ta’ grupp ta’ studenti żgħir fil-5 t’April 1929, bl-għajnuna ta’ Patri Danjel Callus. Fi Frar tal-1930 l-istatu ġie approvat uffiċjalment mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien. Minn dakinhar, infetħu numru ta’ gruppi taż-żgħażagħ f’Parroċċi differenti. L-għan ta’ dawn il-gruppi kien li jieħdu rwol iktar attiv li jwasslu l-messaġġ tal-Knisja u biex ikunu ta’ servizz lejn l-oħrajn. Din l-inizzjattiva ċkejkna żviluppat f’waħda mill-akbar għaqdiet Kattoliċi li għandna f’Malta llum.
Matul is-snin, l-Azzjoni Kattolika Maltija kienet il-bidu ta’ numru ta’ proġetti u attivitajiet soċjali u spiritwali f’Malta. Fosthom nistgħu nsemmu r-responsabilità li tippublika l-gazzetta ‘Il-Leħen is-Sewwa’ mill-1933, it-twaqqif tal-Kummissjoni Emigranti fl-1950 u s-Segretarjat Assistenza Soċjali fl-1962, is-summer camps fil-ħamsin u s-sittijiet għat-tfal li kienu ġejjin minn familji numerużi, il-ftuħ tal-ewwel dar residenzjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali fl-1968, illum magħrufa bħala d-Dar tal-Providenza, il-pubblikazzjoni tal-magażin tat-tfal ‘Tagħna t-Tfal’ bejn l-1980 u l-2014, il-ftuħ taż-ŻAK House bħala spazju addattat għal-laqgħat u liveins f’Birkirkara fl-2013, l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq 3 binjiet f’dawn l-aħħar 10 snin, u l-ftuħ ta’ Dar Regina Pacis f’Ħal Balzan fl-2022 li qed isservi bħala akkomodazzjoni temporanja għall-familji jew persuni bla saqaf fuq rashom.
Matul dawn it-93 sena, l-Azzjoni Kattolika Maltija misset u biddlet il-ħajja ta’ ħafna nies. Illum, l-Azzjoni Kattolika Maltija għadha b’saħħitha b’madwar 35 grupp ta’ żgħażagħ li għandhom bejn l-għaxar u tletin sena u iktar minn 40 grupp ta’ adulti madwar Malta u Għawdex. L-iskop hu li jakkumpanjaw lill-persuni fil-ħajja tagħhom, kemm personalment u spiritwalment kif ukoll soċjalment, flimkien mal-oħrajn. 93 sena wara, l-organizzazzjoni għadha tiffoka fuq is-servizz lejn l-oħrajn, permezz ta’ numru ta’ proġetti li għandha għaddejjin, l-iktar proġett importanti hu tal-formazzjoni tal-membri u l-leaders.
Il-membri tal-organizzazzjoni ċċelebraw dan l-anniversarju permezz ta’ numru ta’ attivitajiet matul din il-ġimgħa. Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew fl-10 ta’ Frar bi sfida fuq il-mezzi soċjali, fejn il-membri kienu mistednin itellgħu ritratt jew ritratti tal-isbaħ esperjenzi fl-għaqda u jisfidaw 3 ħbieb tagħhom biex jagħmlu l-istess. Il-Ġimgħa 17 ta’ Frar il-membri kienu ukoll mistednin jilbsu flokk ta’ xi attività għall-iskola jew xogħol u jtellgħu stessu. Għal dawn il-ftit jiem, il-pjattaformi tal-organizzazzjoni kienu miżgħuda ritratti tal-membri.
Fil-gruppi ġiet organizzata laqgħa speċjali, fejn setgħu jiskopru u jitgħallmu iktar dwar l-istorja tal-Azzjoni Kattolika f’Malta. Kien hemm gruppi li stiednu membri antiki biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-membri preżenti, jew gruppi fejn membru mill-grupp tal-adulti żar il-grupp taż-żgħażagħ u membru taż-ŻAK żar il-grupp tal-Adulti. Dawn l-opportunitajiet ta’ djalogu interġenerali dejjem iservu bħala esperjenza sabiħa u unika kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar.
Is-Sibt 18 ta’ Frar ġie ppjanat seminar ta’ nofstanhar bejn il-persuni li jokkupaw kariga ta’ tmexxija. Dan is-seminar iġib flimkien numru ta’ nies ta’ etajiet differenti li ġejjin minn sezzjonijiet differenti tal-għaqda. Dawn il-mument jgħin sabiex dawn il-persuni mhux biss ikomplu jsiru jafu lil xulxin, iżda biex ikomplu jippjanaw għall-futur tal-għaqda flimkien.