Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
L-okkażjoni tad-90 anniversarju mill-preżenza tal-Azzjoni Kattolika fil-Gżejjer Maltin tagħtini l-opportunità l-ewwel nett biex nesprimi l-gratitudni tal-Knisja f’Malta għal tant inizjattivi sbieħ, mhux biss ta’ formazzjoni imma ta’ solidarjetà, li l-Azzjoni Kattolika ppromwoviet f’dawn id-90 sena. Imma wkoll tagħtini l-opportunità biex inħares lejn il-futur tal-Azzjoni Kattolika b’fiduċja u tama kbira.
Huwa ta’ privileġġ għalija li regolarment niltaqa’ ma’ tant żgħażagħ taż-ŻAK li huma parti integrali mill-ħidma tal-Azzjoni Kattolika u nara l-impenn tagħhom biex jgħixu l-ħajja Nisranija fiċ-ċirkustanzi attwali. L-Azzjoni Kattolika hija wkoll preżenza importanti fil-media, hija preżenza importanti fis-solidarjetà u l-karità, hija preżenza importanti anki fil-parroċċi tagħna.
L-awgurju tiegħi hija li l-Azzjoni Kattolika tkompli tiżviluppa skont is-sinjali taż-żminijiet, tkompli dejjem turi l-lealtà tagħha lejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru, u tkompli tkun ukoll ta’ sapport għall-Isqfijiet ta’ Malta u ta’ Għawdex kif dejjem kienet.
Jiena nawgura wkoll li l-Azzjoni Kattolika, hi u tħares lejn il-futur, tkompli bil-ħidma formattiva tagħha imma wkoll tkun dik il-ħmira fis-soċjetà Maltija li tiggarantixxi li l-messaġġ tal-Evanġelju jibqa’ aħbar tajba u sabiħa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta