Għeżież ħuti!
Kif jgħid l-Appostlu Pawlu, kollha kemm aħna nżommu t-teżor tal-ħajja f’ġarrar tal-fuħħar. (Ara 2 Kor. 4:7) Il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità jistedinna nagħrfu li l-fraġilità tagħna bl-ebda mod ma toskura, “id-dawl tal-Evanġelju tal-glorja ta’ Kristu”, iżda minflok tiżvela li, “il-qawwa straordinarja tagħha tappartjeni lil Alla u ma tiġix minna.” (2 Kor 4:4,7) Kull wieħed u waħda minna, apparti minn xi mertu jew distinzjoni, rċevejna l-Evanġelju kollu kemm hu, u ma’ dan, l-impenn ferrieħi li nipproklamawh. “Kollha kemm aħna msejħa biex noffru lill-oħrajn xhieda vera tal-imħabba ta’ Alla li ssalva, li minkejja l-imperfezzjonjiet tagħna joffrilna l-viċinanza, il-kelma u s-saħħa tiegħu, li jagħtu tifsira lil ħajjitna.” (Evangelii Gaudium, 121) Li naqsmu l-Evanġelju mal-oħrajn, fil-fatt, mhuwiex dover fdat biss lil xi wħud, imma ħtieġa assoluta għal dawk kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù u jgawdu l-ħbiberija tiegħu.
Il-fiduċja f’Alla, l-esperjenza tal-imħabba tenera u l-konfort tal-ħbiberija tiegħu, mhumiex il-privileġġ tal-ftit jew il-prerogattiva ta’ dawk biss li rċevew formazzjoni sħiħa u fit-tul. Pjuttost, il-ħniena tiegħu tiġi manifestata b’mod partikolari lil dawk li, minflok li jafdaw fihom infushom, iħossu s-sejħa li jagħtu lilhom infushom lil Mulej u jidentifikaw ruħhom ma’ ħuthom.
Dan iġib miegħu għerf, li jkabbar bil-mod il-mod, l-għarfien tal-limiti tagħna u jħallina napprezzaw dejjem aktar l-għażla mimlija imħabba ta’ Alla li jgħinna fid-dgħufija tagħna. Għarfien li jilliberana mis-swied ta’ qalb – anke għal raġunijiet tajba – u jiftħilna qalbna għat-tifħir. Il-ferħ li jiddi minn dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù u jafdaw ħajjithom fih mhuwiex xi illuzjoni jew nuqqas ta’ esperjenza; hija l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-mewt li tolqot ħajjiet mimlija fraġilità.
Verament, nistgħu nitkellmu dwar maġisteru ta’ fraġilità li, jekk jingħata widen, jagħmel is-soċjetà aktar umana u fraterna, li tgħinna nifhmu li l-kuntentizza hija ħobż li ma jistax jittiekel waħdu. Kemm jista’ għarfien aktar tal-ħtieġa li ngħinu lil xulxin jgħinna biex ikollna relazzjonijiet inqas ostili ma’ dawk ta’ madwarna! U kemm tista’ r-realizzazzjoni li popli sħaħ ma jistgħux isalvaw lilhom infushom, tqanqalna biex insibu soluzzjonijiet għall-konflitti bla sens li qed nesperjenzaw!
F’dan il-Jum, irridu nżommu f’moħħna t-tbatijiet ta’ dawk in-nisa u l-irġiel kollha b’diżabilità li jgħixu ġo nofs gwerra, jew li ġarrbu diżabilità bħala riżultat ta’ kunflitti armati. Kemm nies – fl-Ukrajna jew f’postijiet oħra fejn hemm gwerra – jibqgħu priġunieri ta’ ġlied kontinwu, u m’għandhomx lanqas il-possibilità li jaħarbu? Jeħtieġ jingħataw attenzjoni speċjali u l-aċċess għal għajnuna umanitarja għandu jiġi iffaċilitat b’kull mezz possibbli.
Dan il-maġisterju ta’ fraġilità huwa kariżma li permezz tiegħu intkom – għeżież ħuti b’diżabilità – tistgħu tarikkixxu l-Knisja. Il-preżenza tagħkom, “tista’ tgħin tbiddel ir-realtajiet li ngħixu fihom, u tagħmilhom aktar umani u aktar akkoljenti. Mingħajr vulnerabilità, mingħajr limiti, mingħajr ostakli li jeħtieġ nirbħu, ma jkun hemm l-ebda umanità vera.” Għal din irraġuni, għandi pjaċir inħabbar li l-vjaġġ sinodali qed jurina li hi okkażjoni tajba biex fl-aħħar nisimgħu il-vuċijiet tagħkom u li eku ta’ din il-parteċipazzjoni jista’ jinstab fid-dokument preparatorju għall-istadju kontinentali tas-Sinodu.
Hemm naqraw li, “Rapporti numerużi juru n-nuqqas ta’ strutturi adekwati u modi ta’ kif nakkumpanjaw persuni b’diżabiltà u jsejħu għal modi ġodda ta’ kif nilqgħu l-kontribuzzjoni tagħhom u nippromwovu l-parteċipazzjoni: minkejja t-tagħlim tagħha, il-Knisja tinsab fil-periklu li timita dak li s-soċjetà tagħmel biex twarrabhom fil-ġenb. Il-forom ta’ diskriminazzjoni elenkati – in-nuqqas ta’ smigħ għal dak li jgħidu, il-ksur tad-dritt li jagħżlu fejn u ma’ min joqogħdu, iċ-ċaħda tas-sagramenti, l-akkuża tas-saħta, l-abbuż – u oħrajn, jiddeskrivu l-kultura tal-iskart fil-konfront tal-persuni b’diżabiltà. Dawn ma jitwildux b’kumbinazzjoni imma għandhom listess għeruq: l-idea li l-ħajjiet ta’ persuni b’diżabiltà jiswew inqas minn oħrajn.
Fuq kollox, is-Sinodu, bl-istedina tiegħu biex nimxu flimkien u li nisimgħu lil xulxin, jista’ jgħinna nifhmu kif fil-Knisja – anke fejn jidħlu persuni b’diżabiltà – ma teżistix l-aħna u huma, imma aħna biss, b’Ġesù Kristu fiċ-ċentru, fejn kull persuna ġġib id-doni u l-limitazzjonijiet tagħha. Dan l-għarfien, ibbażat fuq il-fatt li aħna lkoll parti mil-listess umanità vulnerabbli mifdija u mqaddsa minn Kristu, telimina distinzjonijiet arbitrarji u tiftaħ il-bieb għall-parteċipazzjoni ta’ kull membru mgħammed fil-ħajja tal-Knisja. U mhux hekk biss, f’dawk il-postijiet fejn is-Sinodu kien tassew inklussiv, tawna l-opportunità li nneħħu preġudizzji profondi. Il-laqgħat u l-fraternità jkissru l-ħitan u jirbħu d-diskriminazzjoni; u għalhekk jien nittama li kull komunità Nisranija tkun miftuħa għall-preżenza ta’ dawn ħutna b’diżabiltà u li tiżgura li dejjem jiġu milqugħa u inklużi kompletament.
Nibdew nirrealizzaw li aħna neżistu bħala aħna u mhux huma, meta d-diżabilità, sew jekk hi temporanja sew jekk hi riżultat tal-proċess naturali tax-xjuħija, taffetwa lilna nfusna jew xi ħadd qarib tagħna. Imbagħad nibdew inħarsu lejn ir-realtà b’lentijiet ġodda u naraw il-ħtieġa li nwaqqgħu il-barrieri li għall-ewwel dehru insinifikanti. Xejn, madankollu, ma jnaqqas it-twemmin tagħna li l-ebda diżabilità – temporanja, akkwistata jew permanenti – ma tista’ tbiddel il-fatt li aħna ulied tal-istess Missier u ngawdu l-istess dinjità. Il-Mulej iħobbna lkoll bl-istess tenerezza, imħabba paterna u bla kundizzjoni.
Għeżież ħuti, nirringrazzjakom għall-inizjattivi li qed isiru f’dan il-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà u jien nakkompanjahom bit-talb tiegħi. Inberikom ilkoll minn qalbi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.
Sors: laikos.org