L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nawguralkom ħafna f’din l-okkażjoni sabiħa tat-30 anniversarju mill-istituzzjoni tal-Kunsilli Lokali, imbagħad ’il quddiem anke tar-Reġjuni.
Eċċellenza, għażiż President tar-Repubblika, Sinjura Vella; Onorevoli Ministri u personalitajiet distinti; spettabbli Presidenti tar-Reġjuni, Sindki. Nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom illum, u nawguralkom ħafna fix-xogħol tagħkom.
Ippermettuli naqsam magħkom ftit ħsibijiet qosra, għax is-sħana wkoll. L-ewwel nett nawguralkom ħafna li fix-xogħol tagħkom tkomplu taħdmu biex nikbru bħala poplu, dak li nistgħu nsejħulu s-sens ċiviku. Is-sens ċiviku huwa dak li l-ewwel nett jinbet mill-edukazzjoni. Importanti ħafna, nissuġġerilkom ħafna li tkunu preżenti wkoll fl-iskejjel tagħna, b’mod speċjali fl-iskejjel primarji tagħna, li ħafna drabi għandhom il-preżenza tal-Kappillani, u tnisslu fl-istudenti, tfal u żgħażagħ, spirtu ta’ identità, imma wkoll spirtu ta’ rispett lejn l-ambjent u lejn is-saltna tad-dritt. L-ispirtu ċiviku jgħinna nifhmu li meta nirrispettaw l-ambjent ta’ madwarna, il-prinċipju ta’ legalità, jekk hemm regola tħarisha, inkunu wkoll qegħdin nirrispettaw lilna nfusna. Ħafna drabi, ir-rispett drajnieh mill-għatba ’l ġewwa u mhux mill-għatba ’l barra. Intom qegħdin taħdmu biex ir-rispett ikun ukoll mill-għatba ’l barra tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Jekk jiena nieħu ħsieb l-indafa tat-toroq, tal-pjazez, tal-ambjent, qiegħed ukoll nassigura l-kwalità tal-ħajja tiegħi u ta’ wliedi, u ta’ kull wieħed u kull waħda minna.
Is-sens ċiviku hu wkoll sens ta’ responsabbiltà. Jekk hemm playground, jekk hemm siġra, hu x’inhu fl-ambjent tagħna, inħarsuhom; huwa servizz mhux biss għalina, imma għal kulħadd. Aħna għandna kelma għall-atteġġjament negattiv: il-vandaliżmu. Il-vandali, f’mument tal-istorja tal-Ewropa, niżlu u ħarbtu kullimkien. U kultant ikun hemm atteġġjament li jfakkarna fl-istess. Ir-risposta għall-vandaliżmu hija l-edukazzjoni. Inħeġġiġkom ħafna li f’dak kollu li tagħmlu dejjem ikun hemm l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, b’mod speċjali ta’ ġenerazzjoni li għandha bżonn li tiskopri kemm huma profondi l-għeruq tal-kultura tagħna. Kemm għandna tfal u żgħażagħ li jħaddnu u jgħożżu l-istorja, l-arkitettura, l-arkeoloġija tal-lokalità tagħhom? Kull lokalità, hi fejn hi fuq il-gżejjer tagħna, għandha patrimonju ta’ min jgħożżu; imma ma nistgħux ngħożżuh jekk ma jkollniex l-għarfien ta’ kemm hu prezzjuż, ta’ kemm hu għażiż. L-edukazzjoni, mela, mhix kapriċċ, imma hija essenzjali.
It-tieni suġġeriment tiegħi huwa li tkomplu taħdmu b’risq l-identità kulturali tagħna, f’kollaborazzjoni mal-aġenziji kollha li jippromwovu l-kultura tagħna. Jien nixtieq nirringrazzjakom pereżempju tal-kooperazzjoni li l-parroċċi jsibu; nispera li intom ukoll issibu fil-lokalitajiet. Intom tafu li l-parroċċi għadhom is-sinsla tal-identità kulturali ta’ ħafna lokalitajiet. Lokalitajiet żgħażagħ jitħabtu ftit biex il-parroċċa tkun qisha l-kontenitur jew il-pont ta’ referiment tal-identità tal-lokalità. Allura l-Kunsill Lokali għandu rwol importanti ħafna. Mela, mhux il-Kunsill Lokali jieħu, biex ngħidu hekk, ‘over’ l-identità, imma jrid jippromwoviha u jesprimiha; u jieħu ħsieb ukoll, u din hi forsi xi ħaġa iżjed impenjattiva, il-komunitajiet, u qed jikbru fostna, li mhumiex ta’ oriġini Maltija, imma qegħdin fostna.
F’kull lokalità, fi wħud iżjed minn oħrajn, għandna perċentwal ta’ nies li mhumiex etnikament Maltin, u li qegħdin jgħixu fostna. Hija biex, ngħidu hekk, sfida ġdida għalina. Jekk skont l-aħħar statistika uffiċjali, 20% tan-nies li jgħixu fostna mhumiex etnikament Maltin, imma qegħdin magħna, qegħdin fil-lokalitajiet, qegħdin jgħixu fl-ambjenti li tagħhom ċivikament intom responsabbli, kif qegħdin naħdmu biex huma jkollhom ukoll il-kwalità ta’ ħajja tajba, li nixtiequ għalina, għal uliedna, u għall-familji tagħna? Kif se ngħinuhom ukoll japprezzaw il-lokalitajiet tagħna, jieħdu ħsiebhom, jindukrawhom, kif ukoll japprezzawhom? Irridu nifhmu wkoll li minħabba l-barriera li hemm tal-lingwi, is-servizz tagħkom irid ukoll jieħu ħsieb li ma jkunx ikkomunikat biss bil-lingwa Maltija, imma wkoll bil-lingwa l-oħra uffiċjali tal-pajjiż, li hija l-Ingliż. Għaliex? Il-Malti huwa essenzjali, u nieħu pjaċir naqra li nies li mhumiex etnikament Maltin qed jitgħallmu l-Malti; imma rridu nammettu wkoll li f’ħafna skejjel tagħna, primarji pereżempju, hemm diffikultà kbira biex it-tfal tgħallimhom kollox bil-Malti. Din hi xi ħaġa wkoll li qed narawha fis-servizzi. Jarawha l-anzjani fid-djar tal-anzjani, fl-isptarijiet tagħna, imqar f’restaurant. Illum il-Malti mhux dejjem jaqdik; għax jekk tkellem lil xi ħadd bil-Malti, jgħidlek: ‘What?’ Tafu biżżejjed. Din hija r-realtà tagħna. Allura aħna wkoll irridu nirrispondu għaliha b’maturità, u b’sens ta’ dinamiżmu.
It-tielet punt li xtaqt nagħmel huwa l-kwistjoni tas-solidarjetà. Nawguralkom u nitlob ħafna għalikom, għax naf li mhux faċli, li fil-komunitajiet tagħna jkollna, u naf li għandkom dan l-għatx, spirtu qawwi ta’ solidarjetà. Hemm diversi fatturi li jinfluwenzaw il-lokalitajiet tagħna; kull lokalità għandha l-preġji u għandha l-isfidi tagħha. Naħseb li r-risposta ta’ kull wieħed u kull waħda minna trid tkun spirtu qawwi ta’ solidarjetà.
Intom ukoll, fil-livell tagħkom, laboratorju importanti ta’ demokrazija. Iż-żgħażagħ tagħna, li jħarsu lejn il-Kunsill Lokali forsi bħala laboratorju ta’ vokazzjoni fil-politika, iħarsu lejkom ukoll u jridu jifhmu jekk hemmx spirtu matur ta’ djalogu, ta’ dibattitu u anke ta’ koeżjoni u responsabbiltà fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Jien naħseb li nkunu boloh jekk aħna niddisprezzaw ix-xogħol li jsir mill-Kunsilli Lokali, jew inkella naħsbu li l-Kunsill Lokali hu sempliċiment ‘playground’, imbagħad il-logħba l-kbira, il-‘Premier League’, il-Parlament. Intom ukoll pjattaforma qawwija u importanti tad-demokrazija fil-pajjiż. Għalhekk nawguralkom biex fid-djalogu tagħkom li jirrappreżenta, u anke fil-kompożizzjoni tagħkom li tirrappreżenta mill-qrib kif jaħsibha poplu partikolari f’lokalità, ikun hemm dejjem dan l-ispirtu ta’ koperazzjoni, ta’ maturità, għax qed taħdmu għal għan konkret ħafna: il-kwalità ta’ ħajja tajba ta’ lokalità li tolqot ħafna nies.
Jiena naf li wħud minnkom kienu kuraġġużi biżżejjed biex imiddu għonqhom biex jiddefendu l-patrimonju, l-interessi tan-nies tal-lokalità, li forsi l-poteri l-kbar jew jinsew jew jagħżlu li jinsew. Irid ikollok ħafna kuraġġ; kultant ikun qisu suwiċidju politiku li tagħmel hekk. Imma rrid nagħmlilkom kuraġġ, li fid-deċiżjonijiet li tieħdu, dejjem tħarsu lejn l-interess tal-poplu li qegħdin tieħdu ħsieb, li qegħdin tirrappreżentaw. Il-kumplament, aħna nħobbu ngħidu f’idejn Alla, imma anke f’idejn ħaddieħor ukoll. Inti tagħmel id-dover tiegħek, u tagħmel id-dover tiegħek mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ u b’kuraġġ. Il-poplu jifhem min verament qed jaħdem għall-interessi tiegħu. U żgur, ikun jaf ukoll, nisperaw f’Alla, juri l-apprezzament tiegħu fil-mument propizju. Importanti ħafna wkoll li tinsistu mal-awtoritajiet ċentrali li l-kwalità tal-ħajja tal-lokalitajiet tagħna, fil-komplessità tal-ħajja tagħha, hija essenzjali għall-kwalità tal-ħajja tal-pajjiż. Għax dan ir-rakkmu, li huwa l-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni tagħna, huma t-tessut tal-pajjiż. Intom tirrappreżentaw it-tessut soċjali tal-pajjiż. U allura, jekk hemm monument li rridu niddefendu, xi ħaġa naturali, ambjentali, li se tinqered u niddefenduha, ma nkunux biss qegħdin naħsbu fil-lokalità, imma nkunu qegħdin naħsbu għall-pajjiż. Ta’ dan kollu nirringrazzjakom u nwegħedkom it-talb u s-sapport tiegħi.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġen 17:1,9-10,15-22
Salm: 127 (128):1-2,3,4-5
L-Evanġelju: Mt 8:1-4