Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) qed titlob lill-awtoritajiet biex jagħtu veto lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq f’deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pjanijiet ta’ żvilupp, policies ta’ ppjanar u applikazzjonijiet għal żvilupp li jkollhom effett sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja.
Il-Kummissjoni temmen li din is-setgħa ta’ veto għandha tingħata wkoll lill-Awtorità li se titwaqqaf biex tkun responsabbli mir-raba’.
Fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ippjanar Urban, il-Kummissjoni qalet li waqt li tilqa’ l-abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent 2050 (NSE 2050) u l-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’, is-suċċess ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi jiddependu ferm fuq qafas ta’ ppjanar tal-użu tal-art li jsostnihom.
Il-Kummissjoni qalet: “Is-sistema tal-ippjanar hekk kif inhi ipprattika taħt l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u permezz ta’ prattiċi oħra li ma għandhom l-ebda bażi fil-liġi (inkluż il-kunċett ta’ preċedent li abbażi tiegħu jkunu approvati ċerti applikazzjonijiet għall-iżvilupp) qed taħdem kontra wħud mill-għanijiet tal-NSE 2050 kif ukoll tal-White Paper dwar ir-Riforma fil-Qasam tar-Raba’.
“Ħadd m’għandu jkun sorpriż li l-art agrikola qed tonqos u li l-ambjent naturali qed jinbena. Ir-Rural Policy and Design Guidance 2014 qed tikkontribwixxi għal dan il-telf.
“Il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta’ din il-policy għalqet f’Awwissu 2020, jiġifieri iktar minn sentejn ilu. Sal-lum din il-policy għadha mhijiex riveduta. Sal-lum ukoll għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex issir reviżjoni tad-Development Control, Design Guidance and Standards 2015. Din il-policy hija l-kawża prinċipali tal-istraġi li qed isseħħ fl-irdumijiet ta’ Għawdex. Minħabba fiha Għawdex tilef b’mod mgħaġġel kwalità unika tal-pajsaġġ tiegħu.
“Jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent, u l-Awtorità li hija proposta biex tkun responsabbli għar-raba’, se jkollhom inqas saħħa mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-proċessi kollha ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet taħt dan l-Att allura nkunu qed nittradixxu lil pajjiżna u lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Is-sistema tal-ippjanar, bil-mod kif evolviet f’dawn l-aħħar snin, għandha bżonn, iktar minn qatt qabel, ta’ mekkaniżmu ta’ skrutinju u kontroll iktar b’saħħtu biex verament taqdi l-ġid komuni.”
Il-KA tistieden lill-Gvern u lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp biex jieħdu azzjoni deċiżiva issa biex ma jħallux li tkompli ssir ħsara irreparabbli lill-ambjent naturali u dak urban.
“Din il-ħsara qed issir b’riżultat ta’ pjanijiet ta’ żvilupp u policies ta’ ppjanar li huma żgwidati u proċessi ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq kunċetti li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ippjanar u li ddaħħlu b’mod informali matul is-snin minn min jieħu d-deċiżjonijiet,” qalet il-Kummissjoni.