-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Is-Sala Agostino Portelli, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Belt Valletta
24 ta’ April 2018Nixtieq nibda din ir-riflessjoni bil-lezzjoni ispirata mill-Evanġelju li għadu kemm ipproklama Fr Thomas More, mill-kapitlu 10 tal-Evanġelju skont San Ġwann. Ġesù jintroduċi mod kif aħna nagħrfu min hu, nagħrfu l-identità tiegħu, billi jirrepeti kemm-il darba: “Jiena hu r-Ragħaj it-Tajjeb” (Ġw 10:14).
F’din is-silta, il-Mulej jinsisti fuq il-fatt li n-nagħaġ afdati lilu mill-Missier se jieħu ħsiebhom hu: “Minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10:28). Jeħtieġ deċiżjoni min-naħa tagħna li aħna nkunu tal-Mulej imma ġaladarba jkun hemm din l-adeżjoni, il-Mulej se jipproteġina. B’xi mod, kważi kważi, huwa l-impenn ta’ Ġesù: ‘Jekk tafdawni jiena se nieħu ħsiebhom’. U għalhekk fl-ispiritwalità li kienet ħafna għall-qalb San Ġwann Pawlu II, l-ispiritwalità tal-ħniena divina, hemm il-frażi “Jiena nafda fik” (Jesus I trust in you).
L-Evanġelju ta’ Ġesù mhuwiex Evanġelju tal-prosperità.
Il-Mulej qed jgħidilna: ‘Jekk tafdani jiena se nieħu ħsiebek’. Ma jfissirx li kollox se jmur ward u żagħar għaliex din mhijiex ir-regola tal-ħajja. Tinstema’ stramba li ngħidha fil-Kamra tal-Kummerċ imma l-Evanġelju ta’ Ġesù mhuwiex Evanġelju tal-prosperità. Waħda mit-tentazzjonijiet il-kbar fl-evanġelizzazzjoni, b’mod speċjali fl-Amerika Latina, hija li setet li huma ffinanzjati mill-Amerika ta’ Fuq jippreżentaw lill-popolazzjonijiet tal-Amerika Latina bħala a gospel of prosperity, jiġifieri jekk inti tissieħeb magħna kollox se jmurlek tajjeb: la timrad, in-negozju jirnexxi dejjem u jkollok il-flus. Imma dawn huma illużjonijiet anke għaliex hemm is-sens ukoll —intom tgħallmuni— li ħafna realtajiet fil-ħajja, inkluż l-ekonomija u l-kummerċ, huma ċikli. Dwar dawn kien hemm l-għerf li huwa inċiż fil-katidrali medjevali tar-rota fortunae (ir-rota tal-fortuna). Waħda mill-iżjed famużi hija fil-Katidral ta’ Siena imma hemm oħra straordinarjament sabiħa u qawwija fil-Katidral ta’ Cologne; din l-idea li mhux dejjem ser tkun fuq imma kultant ser tkun taħt u daqqiet oħra ser tkun tiela’ u oħrajn nieżel. Imma minkejja r-rota fortunae —li hija r-rota tal-ħajja— jekk tafda fil-Mulej, il-Mulej mhux ser jabbandunak.
Xi ħaġa oħra li xtaqt naqsam magħkom mill-Iskrittura li qrajna llum huwa l-fatt li Barnaba jiskopri komunità mħeġġa f’Antjokja fit-Turkija, u jikkonsla ruħu. F’Antjokja wkoll, għall-ewwel darba, aħna s-segwaċi ta’ Ġesù nissejħu Kristjani. Din ġejja minn Christós, il-Messija. Kif tafu l-kelma ‘Messija’ Christós (anointed bl-Ingliż), ‘Midluk’ bil-Malti, huma l-istess kelma b’lingwi differenti u Christós, Christ, Ġesù Kristu, huwa propju l-Messija. Mela li tissejjaħ Kristjan tfisser li int segwaċi tal-Messija.
Aħna l-Maltin ma nużawhiex din il-kelma, nużaw kelma primittiva ħafna u partikolari għalina. B’xi mod l-isem li żviluppajna aħna, dak ta’ ‘Nsara’, huwa isem endemiku. Kif tafu l-isem ‘Insara’ ġej minn Nazaret. Aħna l-Maltin insejħu lilna nfusna ‘tan-Nazzarenu’, għax l-għerq tal-kelma ‘Nisrani’ ġej minn Nażar, il-villaġġ fejn trabba Ġesù, imma sa fuq is-salib hu kien magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret.
Interessanti li fl-ambjenti, b’mod speċjali dawk Musulmani, il-kelma ‘Nażri’ hija deprekattiva, jiġifieri biex tgħajjar lill-Kristjan tgħidlu ‘Nażri’. Imma aħna l-Maltin dan l-isem ma neħduhx bħala isem ta’ umiljazzjoni, anzi neħduh bħala motiv ta’ glorja. Għalhekk l-isem tagħna (Nsara) huwa żvilupp endemiku għaliex isem li fid-dinja Għarbija huwa deprekattiv u li jwaqqagħlek il-ġieħ, għalina l-Maltin jgħollilek il-ġieħ.
Li nitlob fuq il-kummerċ u l-intrapriża Maltija huwa li tkun an example of best practice.
Meta l-Isqof jitkellem fil-Kamra tal-Kummerċ x’għandu x’jgħid? L-ewwel nett nirringrazzjakom ta’ dan il-ġest ta’ akkoljenza u ta’ talb. Diġà għedtu u nerġa’ nirrepeti x’konsolazzjoni kbira li nilqa’ l-istedina tagħkom u s-sinifikat tal-istedina tagħkom. Nitolbu l-barka tal-Mulej fuq kull min għandu intrapriża f’dawn il-gżejjer, fuq kull min qed jinvesti l-kapital u jħaddem in-nies u jipprova mhux biss idawwar ir-rota imma jħallieha kemm jista’ jkun taħdem sew.
Li nitlob fuq il-kummerċ u l-intrapriża Maltija huwa li tkun an example of best practice. X’irrid infisser biha din? L-ewwel nett li l-kriterji ta’ kif inħaddmu l-kapital u ta’ kif nagħmlu l-profitt ikunu dejjem fil-kuntest ta’ governanza tajba, fil-kuntest ta’ integrità, fil-kuntest ta’ rispett lejn id-dinjità tal-ħaddiema u ta’ kull bniedem u fil-kuntest ukoll li nfittxu l-ġid komuni. Jiena naħseb li dawn huma l-erba’ pilastri ta’ kummerċ li jagħmlu ġieħ lill-pajjiż.
Għalija mhuwiex ta’ unur għal pajjiżi li nagħmlu l-flus minn xi ħaġa li toħloq dipendenza f’ħaddieħor … Dik mhijiex barka, dik ngħidilha b’isimha: dik hija saħta.
Ippermettuli ninnota li meta nħares lejn dak li qed ikabbar il-ġid kbir, dak li qed ikabbar il-prodott domestiku gross tagħna, nara sensiela ta’ inizjattivi li kważi kważi jibbażaw ruħhom fuq il-vizzji tal-bniedem, u jkolli ngħid li din tippreokkupani. Aħna għandna intrapriżi li jagħmlu ħafna flus imma huma mitmugħa minn dipendenza ta’ ħaddieħor: il-gaming; ’il quddiem jekk il-kannabis minn mediċinali ssir rikreazzjonali; il-prostituzzjoni jekk aħna nagħmluha mainstream. Jekk aħna ċerti affarijiet li jistgħu jkunu verament għajn ta’ profitt kbir u ta’ ġid kbir, imma ta’ min nistaqsu: ‘L-għerq tagħhom huwa korrett? Huwa san?’ U din hija xi ħaġa li hemm bżonn nirriflettu fuqha għax dak huwa ġid li ma jġibx barka.
Imma aħna għandna bżonn ikollna industrija li mhijiex biss f’saħħitha imma wkoll nadifa mhux biss fil-kriterji tagħha imma wkoll fl-għanijiet tagħha u bil-mod kif tagħmel il-flus. Jiena għalija mhuwiex ta’ unur għal pajjiżi li nagħmlu l-flus minn xi ħaġa li toħloq dipendenza f’ħaddieħor u tkisser il-familji, iċċaħħad lill-persuni mid-dinjità tagħhom, jew inkella tkisser liż-żgħażagħ tagħna. Dik mhijiex barka, dik ngħidilha b’isimha: dik hija saħta. U allura aħna għandna nagħmlu kontinwament eżami tal-kuxjenza u nistaqsu: ‘Il-flus tagħna minn fejn u kif qegħdin nagħmluhom?’ U bħalma tafu dejjem, huwa d-dover tiegħi ninsisti li l-kapital m’għandux jitħaddem biss għall-profitt, kif għandu jkun, imma wkoll jitħaddem biex ix-xogħol jipprovdi u jagħti dinjità lill-ġenerazzjonjiet futuri.
Ninkoraġġikom biex tkomplu toħolqu ambjent ta’ fiduċja u fl-istess ħin niġġieldu biex ikun hawn ambjent ta’ vera libertà.
Jiena ninnota u nsegwi ħafna l-mod għaqli kif il-Kamra tal-Kummerċ tikkummenta dwar ir-realtajiet soċjali u kemm għandha għal qalbha —bħal kull wieħed u waħda minna, nispera— il-ġid tal-pajjiż. Il-vuċi tagħkom hija importanti ħafna u Alla ħares ma tkunx hemm, imma hemm bżonn ukoll ninsistu ma’ min għandu l-poter u ma niddejqux inwasslu kliem ta’ verità lil min għandu l-poter għaliex jekk aħna nitilfu l-ġid tagħna biex nirkuprawh irridu negħrqu l-għaraq tad-demm.
Nixtieq ninkoraġġikom biex tkomplu toħolqu ambjent ta’ fiduċja, fejn nistgħu, f’ċirkustanzi diffiċli ħafna, u fl-istess ħin nissieltu biex ikun hawn ambjent ta’ vera libertà. Mhuwiex aċċettabbli li jkollna kummerċ magħmul f’atmosfera fejn biex inti jkollok kuntratt trid tkun servili lejn min suppost hu qaddej tal-poplu; jew inkella trid tagħmel allowance biex min suppost japprovalek proġett, ikollu wkoll biex igawdi hu personalment. Dan huwa wkoll velenu li ma jagħmilx ġieħ lil ebda sistema.
In-nies tal-kummerċ, jekk iħobbu lil pajjiżna, iridu jkomplu jafdaw is-sistema imma jaħdmu biex tkun sistema fejn il-profitt ma jsirx għax naf lil xi ħadd, imma jsir għaliex qed jinħadem il-kapital u dak kollu li jagħmel l-intrapriża b’mod ġust, b’mod etiku u skont ir-regoli tal-ġustizzja u tal-integrità.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 11, 19-26
Salm: 86 (87), 1-3.4-5.6-7
Evanġelju: Ġw 10, 22-30
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace