L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fil-bidu ta’ dan ir-Randan imqaddes il-Mulej ipprova jfehimna li dak li se nagħmlu f’din il-mixja qaddisa m’għandniex nagħmluh biex nidhru jew għal wiċċ in-nies. Isemmi tliet atteġġjamenti importanti ħafna f’din il-mixja tar-Randan. Isemmi l-karità. Isemmi t-talb u jsemmi s-sawm. Dawn huma tliet ingredjenti ta’ din il-mixja tar-Randan li jekk jiġu mill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna huma mixja sabiħa ta’ konverżjoni u ta’ tiġdid.

Il-karità tiftaħ il-qalb tiegħi għall-proxxmu. It-talb jiftaħ il-qalb tiegħi għal Alla u fis-sawm nitgħallem nieħu ħsieb tiegħi nnifsi għax is-sawm tista’ tarah bħala tortura jew xi ħaġa tassew spjaċevoli imma nistgħu nifhmuh ukoll bħala l-mument fejn induru naqra magħna nfusna u bħal dik is-siġra li bħal daż-żmien – anzi issa forsi diġà tard – ikollok bżonn tiżborha biex imbagħad tagħmel iżjed frott, hekk ukoll aħna ikunu hemm ċertu elementi li għandna bżonn jew għandhom bżonn żabra mhux ħażin.

Fil-fatt l-ewwel qari jispjegalna x’tip ta’ sawm għandna bżonn nieħdu ħsieb f’din il-mixja tar-Randan: “Ċarrtu qalbkom, mhux ilbieskom u erġgħu duru lejn il-Mulej Alla tagħkom, għaliex hu twajjeb u ħanin” (Ġoel 2:13). Din hi l-ikbar sawma, l-aħwa, li jiena nitlaq dak kollu li jfixkilni u ndur lejn Alla u niskopri kemm hu twajjeb u ħanin. “Jisgħobbih għall-ħażen il-Mulej” imma l-Mulej hu wkoll ta’ ħniena kbira.

L-Appostlu Missierna fit-tieni qari li smajna llum, jagħmel din l-eżortazzjoni, dan l-appell qawwi lil kull wieħed u waħda minna: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5:20). Kieku niftakru din il-kelma f’dan ir-Randan imqaddes, li nħallu lil Alla jħabbibna miegħu! Jixtieq ħafna li jħaddanna, li jgħannaqna, li jħabbbibna miegħu. X’qed ifixkel din il-laqgħa ta’ mħabba? Żgur mhux il-volontà ta’ Alla imma forsi t-toqol ta’ riġlejna jew ta’ qalbna.

Hemm is-sawm minn dak kollu li jagħmel ħsara lill-ambjent. Hemm is-sawm mir-rabja, mill-ispirtu ta’ vendikazzjoni, mill-egoiżmu. Dan hu s-sawm li jagħmlilna tassew ġid.

Tkun ħaġa sabiħa llum, f’Ras ir-Randan il-Knisja tissuġġerixxi li nsumu, jiġifieri li nieklu ikla waħda, li ma niklux laħam. Dawn huma affarijiet esterni. Min jaf kemm nagħmluhom għal raġunijiet oħrajn, inkluż ta’ saħħa? Imma llum dawn l-affarijiet esterni jfakkruna li hemm sawm li hu iżjed radikali.

Mhux aħjar pereżempju nsumu minn xi kelma iebsa għal xulxin? Jew xi kumment żejjed fuq is-social media? Kieku nagħmlu das-sawm min jaf x’paċi jkun hawn bejnietna, fuq il-pjattaformi diġitali li saru ħajja oħra, dinja oħra. Hemm is-sawm minn dak kollu li jagħmel ħsara lill-ambjent. Hemm is-sawm mir-rabja, mill-ispirtu ta’ vendikazzjoni, mill-egoiżmu. Dan hu s-sawm li jagħmlilna tassew ġid.

Il-mixja tar-Randan m’għandhiex issewdilna qalbna, għandha tkun u għandna ngħixuha bħala l-mixja tal-libertà, dik li permezz tagħha ninħelsu minn dak kollu li jtaqqalna, niftħu qalbna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.

Aħna qegħdin f’din il-knisja sabiħa ddedikata lit-tnissil bla tebgħa ta’ Marija, f’dan il-kwadru sabiħ ta’ Mattia Preti, bil-qaddisin protetturi kontra l-pesta, kontra l-ħsarat li għadhom magħna. Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija biex anke f’dan ir-Randan, bħala pajjiż inkomplu ngħożżu l-ħajja sa mill-bidu tagħha, sa mit-tnissil, sal-aħħar punt tagħha imma wkoll matulek ja ħajja kemm kultant nagħmlu ħsara lil xulxin bit-traskuraġni, bir-rabja forsi anke frott xi dipendenza li mhux biss qed tkisser lilna imma anke ’l ħaddieħor. Kultant naraw l-effetti tad-droga madwarna li twassal saħansitra għall-qtil u ma nifhmux li l-ikbar ħsara qed nagħmluha lilna nfusna f’isem il-libertà.

X’libertà hi, ħuti, dik li tkissrek u tkisser ’l ħaddieħor, x’libertà hi? Mentri l-mixja tar-Randan m’għandhiex issewdilna qalbna, għandha tkun u għandna ngħixuha bħala l-mixja tal-libertà, dik li permezz tagħha ninħelsu minn dak kollu li jtaqqalna, niftħu qalbna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.

Is-sinjal tal-irmied li se npoġġu fuq rasna llum hu sinjal ta’ umiltà imma hu wkoll sinjal li l-ħajja tagħna ma tkunx sabiħa jekk mogħtija għal frugħa għax kollox hu duħħan. Hemm waħda mit-talbiet fit-tqegħid tal-irmied li tfakkarna wkoll li aħna m’aħniex hawn għal dejjem: mit-trab ġejt u trab terġa’ tkun. Imma dan mhuwiex biex insewdu qalbna imma biex forsi l-ħajja li għandna napprezzawha iżjed. Bejn traba u oħra, x’ħajja għażilt? Tat-trab? Ta’ rmied? Jew xi ħaġa sabiħa? Bejn traba u oħra.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50 (51): 3-4,5-6a,12-13,14 u 17
Qari II: 2 Kor 5:20 – 6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18