Il-ġurnalist għandu rwol importanti fis-soċjetà biex irazzan tentazzjonijiet ta’ poter li jista’ jkollhom gvernijiet, assoċjazzjonijiet kummerċjali jew oħrajn, biex joħonqu d-demokrazija jew it-tmexxija u l-iżviluppi ħielsa tal-bnedmin. Minkejja dan, hemm min jgħid li ħafna mill-ġurnalizmu Malti mhux għajr messaġġ promozzjonali għal interess jew idejoloġija.
Bil-għan li joħloq diskussjoni dwar dan is-suġġett ma’ dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media, partikolarment fil-ġurnalizmu, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. permezz tas-Segretarjat għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali qed jorganizza Business Breakfast li se jitratta l-Etika fil-Media. Dan se jsir nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2012, fil-Lukanda Excelsior, Floriana. Il-kelliem ewlieni se jkun ir-Rev. Prof. Saviour Chircop, Dekan tal-Fakulta tal-Media u x-Xjenzi tal-Għarfien fl-Università ta’ Malta, li se jippreżenta din it-tema b’emfazi fuq l-etika għall-ġurnalist.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. stieden lill-edituri, deputy editors u diriġenti tal-organizzazzjonijiet tal-media biex jiddiskutu dan is-suġġett fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi fil-qasam tal-media u r-responsabbiltà tal-ġurnalist fir-rappurtaġġ tal-aħbar. Mistiedna wkoll l-ogħla uffiċjali tal-Awtorità tax-Xandir, tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u tal-Press Ethics Commission.
Il-programm ta’ din l-attività jinkludi ntroduzzjoni qasira mid-Delegat tal-Arċisqof, Fr Charles Tabone O.P. li se jitkellem dwar ir-relazzjoni tal-Knisja mal-media u modi ta’ kollaborazzjoni; il-preżentazzjoni ta’ Rev. Prof. Saviour Chircop; tnedija ta’ iniżjattiva ġdida mill-Knisja fil-qasam tal-I.T. għas-servizz tal-pubbliku; intervent mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P; ħin għad-diskussjoni u nterventi minn dawk preżenti.
Matul din l-attività l-Arċisqof ser jieħu l-okkażjoni biex kif jagħmel kull sena, jirringrazzja lil dawk li permezz tal-ħidma tagħhom taw kontribut siewi lis-soċjetà u kkollaboraw mal-Knisja f’Malta fil-qasam tal-media.