L-Arċisqof Kattoliku Biżantin ta’ Pittsburgh, William Skurla, qal li l-Knisja Kattolika qed tagħmel xogħol siewi fl-edukazzjoni reliġjuża mat-tfal, pero jidher li qed tfalli mal-adulti żgħażagħ li jkunu għadhom kemm bdew jieħdu ċerti deċiżjonijiet indipendenti dwar il-ħajja tagħhom.
Meta kien qed jindirizza s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, l-Arċisqof Skurla qal li “l-impenn lejn tiswir ta’ kattoliċi fidili u ffukati, jiddetermina l-futur tal-Knisja”.
Filwaqt li ħafna Isqfijiet fis-Sinodu iffukaw fuq l-importanza tal-katekeżi u l-edukazzjoni reliġjuża, l-Arċisqof qal li l-Knisja jeħtieġ tkun realistika dwar il-bżonn li tvarja l-approċi edukattivi tagħha skont l-etajiet ivarjaw. It-tfal żgħar jitgħallmu l-fidi minn dak li jaraw u jisimgħu mill-ġenituri tagħhom. Żied li l-Knisja, f’irwol importanti tagħha, għandha tappoġġja lill-ġenituri u ż-żwieġ tagħhom. Dan għax “l-abbilta li wieħed jitlob tiddependi mill-abbilta li wieħed jesperjenza l-imħabba, li hi l-punt tat-tluq ta’ relazzjoni dejjiema ma’ Kristu”.
It-tieni fażi ntqal li hi meta t-tifel jibda jmur l-iskola u jibda jitgħallem li jista’ jibda jagħmel l-għażliet hu. “Il-mistoqsijiet tat-tfal jibdew isiru dejjem iżjed kumplessi u t-tweġibiet iridu jkunu adatti għall-eta u l-abbilta biex huma jifhmu”, fisser l-Arċisqof.
Għall-Arċisqof Skurla, iċ-ċavetta għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida tasal fit-tielet fażi meta ż-żagħżugħ jitħejja biex jitlaq mid-dar u jgħix indipendenti – mument fejn l-individwu hu ħieles jagħżel jekk jaffermax jew jinjorax l-impenn tiegħu lejn Ġesu u l-Knisja. “Jekk f’dik l-eta jirċievu l-appoġġ, il-gwida u r-risposti għall-mistoqsijiet tagħhom, huma jipprogressaw bħala mexxejja fi ħdan il-Knisja, saħansitra jwieġbu għas-sejħa saċerdotali jew reliġjuża. Jidħlu wkoll għal iżjed studji f’livell universitarju jew fid-dinja tax-xogħol lesti jiddefendu dak li jemmnu fih u jevanġelizzaw lill-oħrajn”, temm jgħid l-Arċisqof.