Il-Ġimgħa l-Kbira – Tifkira Solenni tal-Passjoni tal-Mulej
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Iż 52, 13 – 53, 12
Salm: 30 (31), 2.6.12-13.15-16.17. 25
It-Tieni Qari: Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
L-Evanġelju: Ġw 18, 1 – 19, 42
Il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradieh, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi.
Ġesù, li kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” Huma weġbuh: “Lil Ġesù ta’ Nazaret”. U hu qalilhom: “Jiena hu”. Ġuda, dak li ttradieh, kien hemm magħhom huwa wkoll. Kif Ġesù qalilhom: “Jiena hu”, huma resqu lura u waqgħu mal-art. “Lil min qegħdin tfittxu?” Raġa’ staqsiehom. U huma qalulu: “Lil Ġesù ta’ Nazaret”. Ġesù weġibhom: “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru”. Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal: “Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift”.
Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesù qal lil Pietru: “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien mal-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh.
L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud: “Ikun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu”. Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù. Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?” Hu weġibha: “Le, m’iniex”. Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom għas-sħana.
Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesù wieġbu: “Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt”. Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu: “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?” Ġesù qallu: “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?” Imbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir. Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?” Imma hu ċaħad u qal: “Le m’iniex”. Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal: “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?” Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk.
Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom: “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?” U huma weġbuh: “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk”. Pilatu qalilhom: “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skont il-liġi tagħkom”. Imma l-Lhud qalulu: “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd”. Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut.
Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?” Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”. Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”. Pilatu qallu: “U l-verità x’inhi?” Kif qal dan, raġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom: “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?” Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajtu u jgħidu: “Mhux lil dan, imma lil Barabba”. Dan Barabba kien brigant.
Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!” U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darb’oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jiena ma nsib ebda ħtija fih”. U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem!” Xħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jien ma nsib ebda ħtija fih”. Il-Lhud weġbuh: “Aħna għandna liġi, u skont din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla”. Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù: “Int mnejn int?” Imma Ġesù ma wieġbu xejn. Għalhekk Pilatu qallu: “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?” Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar”.
Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu: “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnisfu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari”. Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa. Pilatu qal lil-Lhud: “Arawh is-sultan tagħkom!” Dawk infexxew jgħajtu: “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?” Imma l-qassisin il-kbar weġbuh: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh. U huma ħadu lil Ġesù. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ il-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb: “Is-sultan tal-Lhud”, imma: “Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud”. Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!”
Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”. Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti”. U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.
Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża il-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.
Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.