It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 2 Makk 7, 1-2. 9-14
Salm: 16 (17), 1.5-6.8b u 15
It-Tieni Qari: 2 Tess 2, 16 – 3, 5
L-Evanġelju: Lq 20, 27-38
F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: “Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh”. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.
Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.