It-Tielet Ħadd tal-Avvent
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Is 35, 1-6a. 10
Salm: 146 (147), 7.8-9a.9bc-10
It-Tieni Qari: Ġak 5, 7-10

L-Evanġelju: Mt 11, 2-11

F’dak iż-żmien, Ġwanni, li kien fil-ħabs, sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek”.

Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu”.