Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 18:1-10a
Salm: 14 (15):2-3ab,3ċd-4ab, 5
It-Tieni Qari: Kol 1:24-28
L-Evanġelju: Lq 10:38-42
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”.
Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.