Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġer 23, 1-6
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
It-Tieni Qari: Efes 2, 13-18
L-Evanġelju: Mk 6, 30-34
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.