L-Ewwel Ħadd tar-Randan
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġen 2:7-9; 3:1-7
Salm: 50 (51):3-4,5-6a,12-13,14 u 17
It-Tieni Qari: Rum 5:12-19
L-Evanġelju: Mt 4:1-11
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”.
Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.