It-Tmintax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Qoħ 1:2; 2:21-23
Salm: 89 (90):3-4,5-6,12-13,14 u 17
It-Tieni Qari: Kol 3:1-5,9-11

L-Evanġelju: Lq 12:13-21

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel”, qal: “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”

Iżda qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?”. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”