Il-Qalb Imqaddsa ta’ ĠesùSolennità
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ħos 11, 1.3-4.8ċ-9
Salm: Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
It-Tieni Qari: Efes 3, 8-12.14-19

L-Evanġelju: Ġw 19, 31-37

Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.

Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma qasmulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.