Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Slaten 12, 26-32; 13, 33-34
Salm: 105 (106), 6-7a.19-20.21-22
L-Evanġelju: Mk 8, 1-10
F’dawk il-jiem, peress li reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod”.
Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?”. Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa”.
Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom.
U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal: sebat iqfief! U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.