Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Għerf 2:1a,12-22
Salm: 33 (34):17-18,19-20,21,23
L-Evanġelju: Ġw 7:1-2,10,25-30
F’dak iż-żmien, Ġesù baqa’ jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Kienet qorbot għal-Lhud il-festa tal-Għerejjex. Wara li ħutu telgħu għall-festa tela’ hu wkoll, mhux bid-dieher, imma bil-moħbi. Xi wħud min-nies ta’ Ġerusalemm qalu: “Dan mhuwiex dak li qegħdin ifittxuh biex joqtluh? Araw, b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija? Imma dan nafu minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej.”
Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u qal: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jien mingħandu ġej, u kien hu li bagħatni.”
Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.