HopeGen, proġett ta’ sena bejn il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Malta Catholic Youth Network (MCYN), ġie mniedi sabiex b’mod attiv, iż-żgħażagħ ikollhom l-għodda u s-setgħa jibnu soċjetà aktar ġusta.

Permezz ta’ HopeGen, il-Knisja f’Malta hi impenjata li trawwem ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ bit-tama li jkunu ċittadini attivi u responsabbli. Dan filwaqt li jindirizzaw ukoll diversi sfidi, inġustizzji, u inċertezzi preżenti madwarna. It-taħriġ lil madwar 15-il parteċipant se jingħata permezz ta’ taħdidiet, workshops, diskorsi minn esperti, diskussjonijiet fi gruppi u l-ħolqien ta’ kampanji ta’ għarfien.

Waqt it‑tnedija, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi faħħar l‑inizjattiva ta’ HopeGen, u rringrazzja lill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u lill‑MCYN għal dan il‑proġett. Hu qal li HopeGen hu kontribut importanti tal‑Knisja f’Malta għal persuni li jixtiequ jagħtu sehemhom fil‑politika u fis‑soċjetà Maltija ispirati minn valuri umani li jagħmlu l‑ġid. Hu ħeġġeġ lil dawk li se jieħdu sehem f’HopeGen biex ikunu midħla tat‑Tagħlim Soċjali tal‑Knisja b’mod li jmorru dejjem għas‑sors oriġinali, mhux iserrħu biss fuq informazzjoni mill‑midja soċjali.

L‑eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l‑eks Ministru Evarist Bartolo qasmu l‑ħsibijiet tagħhom dwar l‑isfidi attwali li qed jaffaċċja l‑pajjiż. Huma enfasizzaw il‑periklu li persuna ċċedi għaċ‑ċiniżmu, li jwassal biex toqgħod ’il bogħod mill‑ħajja pubblika, u ħeġġew l‑importanza li nibqgħu impenjati fil‑politika.

Żewġ parteċipanti ta’ HopeGen, Juanita Galea u Matthew Grech, tkellmu dwar il‑periklu meta nħallu l‑biża’ twaqqafna u tbiddel il‑ħsieb u l‑perċezzjoni tagħna tar‑realtà. Huma enfasizzaw il‑ħtieġa li l‑politiċi jimxu mal‑prinċipji tagħhom filwaqt li jrawmu djalogu miftuħ.

HopeGen hu frott il-proċess ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’, li l-Knisja f’Malta qed tagħmel għal dawn l-aħħar erba’ snin bil-għan li permezz ta’ inizjattivi ġodda, il-valuri u l‑prinċipji li tħaddan il-Knisja jaslu aktar għand in-nies.

Aktar dettalji jinkisbu minn hopegen.church.mt.

Aktar ritratti