Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 8:26-40
Salm: 65 (66):8-9,16-17,20
L-Evanġelju: Ġw 6:44-51
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.
Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”