Il‑Knisja f’Malta se jkollha tliet saċerdoti ġodda nhar is‑Sibt, 20 ta’ April 2024. L‑Arċisqof Charles Scicluna se jordna saċerdoti lil: Rev. Malcolm John Saliba mill‑Parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s‑Sema f’Ħ’Attard, Rev. Karl Andrew Schembri mill‑Parroċċa tat‑Twelid tal‑Verġni Marija fil‑Mellieħa u Rev. Rob Rizzo SJ mill‑Kumpanija ta’ Ġesù.

Il‑quddiesa se ssir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta fid‑9:30am u se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook Malta.

Bi tħejjija għall‑ordinazzjoni presbiterali, is‑Seminarju tal‑Arċisqof u ċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet tas‑Seminarju qed jistiednu lill‑Insara biex jingħaqdu magħhom f’mument ta’ talb, għada l‑Ħamis, 18 ta’ April, fis‑7pm fil‑Bażilika ta’ San Pawl fir‑Rabat.

Il‑Knisja tistieden liż‑żgħażagħ biex jirriflettu u jwieġbu s‑sejħa li jista’ jkollhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Iktar dettalji jinkisbu minn seminaryvocationscentre.mt.

Ritratt mix-xellug: Rev. Malcolm John Saliba, Rev. Rob Rizzo SJ u Rev. Karl Andrew Schembri.