Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 2 Piet 3, 12-15a.17-18
Salm: 89 (90), 2.3-4.10.14 u 16
L-Evanġelju: Mk 12, 13-17
F’dak iż-żmien, bagħtu għand Ġesù xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f’xi kelma. Ġew u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? Għandna jew ma għandniex inħallsuha?”.
Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b’ieħor tagħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah”. Newlulu dinar, u hu staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta’ Ċesari”. Qalilhom imbagħad Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”. U stagħġbu ħafna bih.