It-Tlieta tat-Tieni Ġimgħa tal-Għid
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Atti 4, 32-37
Salm: 92 (93), 1ab.1ċ-2.5
L-Evanġelju: Ġw 3, 7b-15
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”.
“Kif qatt jista’ jkun dan?”, raġa’ qallu Nikodemu. U Ġesù qallu: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex.
Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.