Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija qed iħabbar dati ġodda għall‑għażla ta’ skola tal‑Knisja għas‑sena akkademika li tibda f’Settembru li ġej. L‑għażla ta’ skola se tixxandar live fuq il‑website tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt, minn ġo studio mingħajr il‑preżenza tal‑ġenituri u bl‑inqas nies possibbli, minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus. Matul il‑proċess kollu ser ikun preżenti nutar.

Waqt il‑proċess tal‑għażla tal‑iskola, il‑ġenituri ser jiġu kkuntattjati bit‑telefown u jintalbu jagħmlu l‑għażla tagħhom. It‑telefonati lill‑ġenituri jsiru wara xulxin skont l‑ordni tar‑riżultat tal‑polza tal‑għażla. Huwa obbligatorju li l‑ġenituri jkunu disponibbli biex jirrispondu t‑telefonata, bħalma kien obbligatorju li jkunu preżenti fis‑sala fejn kienet issir l‑għażla ta’ skola. Dan sabiex il‑proċess jimxi kif meħtieġ u ħadd ma jinqabeż.

L‑Uffiċċju għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja jċempel l‑ewwel fuq il‑mobile tal‑omm. Jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq il‑mobile tal‑missier, u jekk ħadd ma jirrispondi jċempel fuq in‑numru tad‑dar. Jekk ħadd ma jirrispondi t‑telefonati kollha li jsiru, il‑proċess jitkompla u ssir telefonata lil min imissu. Min ma jkunx għażel u jikkuntattja lura lill‑uffiċċju jkun jista’ jagħżel mill‑postijiet li jkun fadal, iżda ma jkunx jista’ jħassar l‑għażliet li jkunu diġà saru. In‑numri tat‑telefown li jintużaw huma dawk li ġew sottomessi fl‑applikazzjoni għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja u dawk li l‑ġenituri jkunu taw meta l‑uffiċċju għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja jkun ċemplilhom.

Il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja qed ilestu preżentazzjonjiet b’informazzjoni utli dwar l‑iskola għall‑ġenituri. Din l‑informazzjoni tkun aċċessibbli mill‑paġna tal‑iskejjel tal‑Knisja jew tintbagħat b’email jew bil‑posta. Il‑postijiet vojta skola skola jitħabbru sa jumejn qabel l‑għażla ta’ kull skola. Il‑ġenituri għandhom ikunu preparati bid‑deċiżjoni tagħhom sa dakinhar li ssir l‑għażla tal‑iskejjel li għaliha applikaw għat‑tfal tagħhom.

Il‑filmati tal‑għażla tal‑iskola jibqgħu aċċessibbli online anke wara li tintemm ix‑xandira. Ir‑riżultati tal‑għażla jittellgħu online l‑għada ta’ kull għażla fuq il‑paġna tal‑iskejjel tal‑Knisja. Il‑listi tal‑applikanti li se jagħmlu għażla ta’ skola tinsab ukoll online.

Għal aktar tagħrif tista’ tibgħat email fuq [email protected] jew iċċempel fuq
7999 0224 mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa mis‑7:30am sat‑3:30pm. Aktar informazzjoni tingħata fil‑paġna tal‑iskejjel tal‑Knisja minn żmien għal żmien. Jekk iċ‑ċirkustanzi fil‑pajjiż jinbidlu b’tali mod li l‑għażla tal‑iskola ma tkunx tista’ ssir, il‑ġenituri jiġu infurmati permezz ta’ avviż fuq l‑istess website.

Dati u ħin Sena
It‑Tlieta 12 ta’ Mejju, 9:30am Form 1 Bniet
Il‑Ġimgħa 15 ta’ Mejju, 9:30am Form 1 Subien
It‑Tlieta 19 ta’ Mejju, 9:30am Year 1 Bniet
Il‑Ġimgħa 22 ta’ Mejju, 9:30am Year 1 Subien
It‑Tlieta 26 ta’ Mejju, 9:30am Kinder 2 Bniet
Il‑Ġimgħa 29 ta’ Mejju, 9:30am Kinder 2 Subien
Il‑Ġimgħa 29 ta’ Mejju, 11:30am Kinder 1 Subien
Il‑Ġimgħa 29 ta’ Mejju, 12:30pm Kinder 1 Bniet