• San Pietru u San Pawl, Appostli – Solennità

    San Mattew 16:13-19

    F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?”

    U huma weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” qalilhom, “intom min tgħidu li jien?”

    U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.”

    U wieġbu Ġesù u qallu: “Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.