• It-Tlieta tal-Ottava tal-Għid

    San Ġwann 20: 11-18 

    F’dak iż-żmien, Marija baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?”. Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh”. Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.

    Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?”. Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura”. Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: “Rabbuni!” jiġifieri Mgħallem. Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom”.

    Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej!” u qaltilhom x’qalilha.