• Festa tal-Viżitazzjoni tal-Beata Verġni Marija

    San Luqa 1:39-56
    F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Mbierka inti fost  in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

     
    Mbagħad qalet Marija:
     
    Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,  
    u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
    għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

    Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
    għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
    qaddis hu l-isem tiegħu.
    Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
    Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
    xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
    Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
    u għolla ċ-ċkejknin.
    Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
    u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
    Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
    għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
    bħalma wiegħed lil missirijietna,
    b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”
     
    Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.