Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 1 Ġw 3:11-21
Salm: 99 (100):2,3,4,5
L-Evanġelju: Ġw 1:43-51
F’dak iż-żmien, Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u qallu: “Ejja warajja!” Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indrì u Pietru. Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi”. Qallu Natanjel: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”. Filippu wieġbu: “Ejja u ara”.
Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih”. Natanjel staqsieh: “Kif sirt tafni?”. U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu”. Qallu Natanjel: “Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!”.
Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!”. U żied jgħidlu: “Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem”.