Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ħos 8:4-7,11-13
Salm: 113 B (115):3-4,5-6,7ab-8,9-10
L-Evanġelju: Mt 9:32-38
F’dak iż-żmien, in-nies ġabu quddiem Ġesù wieħed imbikkem maħkum mix-xitan. Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: “Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!”. Imma l-Fariżej qalu: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten”.
Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!”.
Qaddis tal-jum: San Anton Marija Zaccaria, presbiteru