• San Luqa 4:14-22

      Ġesù, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

              ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

              għax hu kkonsagrani,

              Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

              nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

              u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

              nrodd il-ħelsien lill-maħqurin

              u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’

      Mbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan m’huwiex bin Ġużeppi?”

      Qaddisin tal-jum: Santa Angela Foligno, San Raymond minn Peñafort, Presbiteru, San Lucjan, Presbiteru u Martri