• Festa – Il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju

    San Luqa 10:17-24 

    F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: «Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek.»

    U hu qalilhom: «Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.»

    F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: «Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.»

    Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: «Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx.»