L-Imqaddsa Verġni Marija tad-Duluri – Festa ta’ Devozzjoni
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ġer 20:10-13
Salm:
17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7

L-Evanġelju: Ġw 10: 31-42

F’dak iż-żmien, il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex iħaġġru lil Ġesù. Imma Ġesù qalilhom: “Kien hemm ħafna għemejjel tajba li jiena wrejtkom mingħand il-Missier; għal liema għemil minnhom tridu tħaġġruni?”. Weġbuh il-Lhud: “Mhux għal xi għemil tajjeb irridu nħaġġruk, iżda minħabba d-dagħwa li dgħajt, u għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla”.

Qalilhom Ġesù: “Fil-Liġi tagħkom ma hemmx miktub: “Jiena għedt: Intom allat”? Issa jekk il-Liġi ssejjaħ allat lil dawk li waslitilhom il-kelma ta’ Alla – u l-Iskrittura ma tistax titħassar – mela lili, li l-Missier ikkonsagrani u bagħatni fid-dinja, kif tgħiduli: “Qiegħed tidgħi”, għax għedtilkom li jien Bin Alla? Jekk jien m’iniex nagħmel l-għemejjel ta’ Missieri, temmnunix; imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier”.

Għal darb’oħra fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom. U raġa’ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn qabel kien hemm Ġwanni jgħammed, u baqa’ hemm. Kienu ħafna dawk li marru ħdejh, u qalu: “Ġwanni ma għamel ebda sinjal, imma kollu minnu kulma qal Ġwanni fuq dan il-bniedem”. U hemmhekk ħafna emmnu fih.