Madwar 40 tifel u tifla minn diversi djar ta’ Fondazzjoni Sebħ u d‑Dar ta’ San Patrizju kienu mistiedna għal titjira edukattiva ta’ 75 minuta. It‑titjira tal‑Air Malta, KM1952, li ttajret f’altitudni ta’ 20,000 pied lejn Sqallija u lura, inkludiet flyby tal‑Muntanja Etna fejn it‑tfal setgħu jaraw il‑quċċata miksija bil‑borra tal‑akbar vulkan fl‑Ewropa. It‑titjira kienet operata b’Airbus 320NEO, wieħed mill‑aktar ajruplani effiċjenti u ambjentalment nodfa li qed joperaw bħalissa.

Qabel it‑titjira kien jidher ċar l‑entużjażmu tat‑tfal, li ħafna minnhom qatt ma marru l‑ajruport jew telgħu abbord ajruplan. Huma ngħataw spjegazzjoni dwar il‑proċessi tal‑ajruport mill‑istaff tal‑Air Malta u membri tat‑tim tal‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

It‑tfal, flimkien mal‑carers tagħhom, imbagħad ipproċedew biex jagħmlu check‑in u jitilgħu abbord l‑ajruplan, u għaddew mill‑formalitajiet kollha bħala passiġġieri regolari. Waqt it‑titjira ngħataw kolazzjon u figolla.

Mal‑wasla, it‑tfal ittieħdu fil‑hangar tal‑inġinerija tal‑linja tal‑ajru fejn kellhom l‑opportunità jistaqsu mistoqsijiet lil inġinier tal‑Air Malta li spjega wkoll xi karatteristiċi tekniċi tal‑ajruplan. Il‑grupp żar ukoll it‑tim tas‑Servizzi ta’ Salvataġġ u tifi tan‑Nar (RFFS) tal‑ajruport fejn spjegaw fil‑qosor l‑importanza tas‑sigurtà tal‑ajruport. It‑tfal raw ukoll il‑vetturi tat‑tifi tan‑nar tal‑MIA, li jippermettu lit‑tim jieħu ħsieb kwalunkwe kriżi li tvarja minn nirien u tixrid ta’ fuel għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, żied jgħid, “Din l‑esperjenza ġabet ferħ u eċċitament fost it‑tfal li għaddew minn żminijiet diffiċli. Ilkoll ħassewhom privileġġjati li ngħataw din l‑opportunità li jaraw l‑Etna permezz tal‑inizjattiva tal‑Air Malta. Il‑Knisja f’Malta tkompli tipprovdi ħarsien u kura lil ħafna tfal, kif ukoll tagħtihom tama u tedukahom biex jikkontribwixxu għal dinja aħjar”.

Iċ‑Chairman tal‑Air Malta, David G. Curmi, laqa’ lit‑tfal ħdejn l‑ajruplan qabel it‑tluq. F’kumment dwar din l‑inizjattiva qal, “Organizzajna din it‑titjira bħala parti mir‑Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal‑Air Malta sabiex insostnu inizjattivi u avvenimenti li jikkontribwixxu għall‑benessri tal‑komunità Maltija. L‑għan tagħna hu li dan l‑avveniment jidħol fil‑kalendarju annwali tagħna sabiex inkomplu nwessgħu din l‑esperjenza lill‑akbar numru possibbli ta’ tfal li jinsabu fi djar residenzjali”.

Iż‑żjara saret possibbli bl‑assistenza mogħtija mill‑Enemed Co. Ltd, li pprovdew il‑fjuwil għall‑ajruplan, l‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li assista bil‑loġistika ġenerali fit‑terminal u laqa’ lit‑tfal fl‑istazzjon tat‑tifi tan‑nar tal‑ajruport, SkyGourmet, li offriet il‑kolazzjon, u Maypole għall‑figolli.

Kull sena bosta skejjel lokali jieħdu l-opportunità li jorganizzaw titjiriet edukattivi simili fuq l-Air Malta għall-istudenti tagħhom.