Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Ħab 1, 12 -2,4
Salm: 9, 8-9.10-11.12-13

L-Evanġelju: Mt 17, 14-20

F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed raġel niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b’tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa’ jew fin-nar jew fl-ilma. Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejquh”.

Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena! Kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn”. Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq.

Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: “L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?”. U hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja: “Warrab minn hawn u mur hemm”, u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir”.

Qaddis tal-jum: San Duminku, Presbiteru