It-Twelid tal-Imqaddsa Verġni Marija – Solennita’
Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
It-Tieni Qari: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1:1-16,18-23
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, Bin David, bin Abraham. Abraham nissel ’l Iżakk, Iżakk nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġuda u ’l ħutu, Ġuda nissel ’l Aram, Aram nissel ’il Għaminadab, Għaminadab nissel ’il Naħson, Naħson nissel ’il Salmon, Salmon nissel ’il Bogħoż, minn Raħab, Bogħoż nissel ’il Għobed, minn Rut, Għobed nissel ’il Ġesse.
Ġesse nissel lis-sultan David, David nissel ’il Salamun, mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel ’il Robogħam, Robogħam nissel ’l Abija, Abija nissel ’l Asa, Asa nissel ’il Ġosafat, Ġosafat nissel ’il Ġoram, Ġoram nissel ’il Għużżija, Għużżija nissel ’il Ġoatam, Ġoatam nissel ’l Aħaż, Aħaż nissel ’il Ħeżekija, Ħeżekija nissel ’il Manasse, Manasse nissel ’l Amon, Amon nissel ’il Ġosija, Ġosija nissel ’il Ġekonija u ’l ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babel.
Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel ’il Salatjel, Salatjel nissel ’il Żorobabel, Żorobabel nissel ’l Abihud, Abihud nissel ’l Eljakim, Eljakim nissel ’l Ażor, Ażor nissel ’il Sadok, Sadok nissel ’l Akim, Akim nissel ’l Elihud, Elihud nissel ’l Elgħażar, Elgħażar nissel ’il Mattan, Mattan nissel ’il Ġakobb, Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jsejħulu Kristu.
It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: ‘Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El’, li bi lsienna jfisser ‘Alla magħna’.