L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-għażla ta’ din il-knisja għażiża għandha sinifikat profond din is-sena. Ilkoll nafu li l-Birgu jew il Borgo del Castello, ingħata wkoll tat-titlu Città Vittoriosa minħabba dak li qed niċċelebraw illum u għada: il-ħelsien mill-Assedju tal-1565. Bħal-lum aħna nfakkru wkoll it-tmiem tat-trawma kbira li għalina kienet it-Tieni Gwerra Dinjija; il-kapitulazzjoni tal-flotta navali Taljana fil-Port il-Kbir fis-7 ta’ Settembru tal-1943. Huma żewġ dati li jfakkruni milll-qrib fl-interċessjoni ta’ Marija Santissma fl-istorja ta’ pajjiżna. Għalina, it-twelid ta’ din it-tifla ta’ Anna u Ġwakkin, hija wkoll il-festa tal-Vitorja.

Imma xi tfisser il-Vitorja wara kunflitt? Xi tfisser li tirbaħ kunflitt? Din hija domanda li aħna l-bnedmin iridu nibqgħu nagħmluha. Min qatt kellu jgħidilna ftit ta’ snin ilu li llum qed nerġgħu niltaqgħu niċċelebraw l-istorja tagħna, waqt li fl-Ewropa, stat sovran qed jiġi aggredit, umiljat, u mkisser mill-aggressjoni ta’ ħaddieħor? Aħna u niċċelebraw ir-rebħiet ta’ dawk ta’ qabilna, din is-sena ma nistgħux ninsew lil Ukrajna. Għall-poplu Ukren, it-tmiem tat-trawma għadha ma waslitx. Aħna llum qegħdin niċċelebraw it-tmiem ta’ żewġ trawmiet kbar għall-poplu tagħna fejn aħna ma konniex l-aggressuri. Żgur li ma konniex l-agressuri fl-1565 u wisq inqas fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Żewġ aspetti li fil-qosor nixtieq li nirriflettu fuqhom illum. L-ewwel nett, li aħna bħala pajjiż ċkejken, u b’mod speċjali f’dawn ix-xhur, bil-preżenza tagħna bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, bl-eżistenza, bl-awtonomija, bl-indipendenza imma wkoll bis-sens ta’ responsabbiltà tagħna fil-qasam internazzjonali, irridu nwasslu l-vuċi ċkejkna imma qawwija li kull poplu għandu dritt għall-awtodeterminazzjoni tiegħu, u għandu dritt jgħix fil-paċi u meħlus minn kull aggressjoni inġusta. Għaliex bir-raġun, aħna qegħdin infakkru l-ħelsien tal-poplu tagħna minn aggressjonijiet li oġġettivament konna nqisuhom bħala inġusti. Il-fatt li providenzjalment il-ħelsien minnhom kien dejjem marbut mal-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija, nislet fil-poplu tagħna l-persważjoni li kien hemm diversi elementi li wasslu għall-ħelsien tal-poplu tagħna — kemm fl-Assedju l-Kbir kif ukoll fit-Tieni Gwerra Dinjija — li kienu bil-ħila tal-Maltin, bil-ħila tad-difensuri.

Irridu nammettu wkoll l-interventi tal-forzi esterni. Irridu nkunu umli biżżejjed biex nifhmu li waqt li qed niċċelebraw il-Vitorja, qed niċċelebraw rebħa li seħħet bl-għajnuna esterna, il Gran Soccorso. L-ħidma tal-alleati biex isalvaw lil Malta — għax suppost f’Settembru tal-1942 Malta kellha ċċedi — żammet soda minħabba l-konvoj magħruf bħala dak ta’ Santa Marija, u mbagħad kellna x-xorti li bħal llum naraw il-flotta Taljana ċċedi proprju fil-Port il-Kbir.

Quddiem il-ħażen ma tistax tkun newtrali. Quddiem l-inġustizzja ma tistax tkun newtrali.

Din il-persważjoni, li ġejja mill-istorja tagħna, trid tipperswadina wkoll bħala poplu li aħna, li għandna dritt għall-awtodeterminazzjoni tagħna, ma nistgħux ngħixuha weħidna. Għandna bżonn kunsens ikbar, ta’ koperazzjoni ikbar. Aħna rridu nkunu wkoll mhux gallarija. Għax newtralità li tfisser gallarija — li la tfuħ u lanqas tinten — hija newtralità falza. Quddiem il-ħażen ma tistax tkun newtrali. Quddiem l-inġustizzja ma tistax tkun newtrali. Trid tieħu pożizzjoni! Allaħares in-newtralità ta’ pajjiżna tfisser li rridu noqgħodu gallarija u ma nagħmlux il-parti tagħna favur il-ġustizzja, favur is-sewwa, u favur il-libertà tal-pajjiż. Min jista’ jassigurana li jekk pajjiż ħafna ikbar minna jista’ jkun aggredit, aħna ma nistgħux inkunu aggrediti wkoll?

Aħna u niċċelebraw din il-festa tal-Vitorja, irridu nammettu li qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Vitorja f’sitwazzjoni fejn l-ordni internazzjonali huwa umiljat minn min għax għandu l-veto fuq il-Kunsill tas-Sigurtà, suppost huwa garanti tal-ordni internazzjonali; u mhux ikun aggressur. Aħna qegħdin ma’ dawk li għandhom il-veto għax rebħu fit-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa minnu li aħna m’għandniex veto, imma għandna vuċi! Nirringrazzja lill-awtoritajiet tal-Istat tagħna li ħadmu biex Malta jkollha vuċi fil-Kunsill tas-Sigurtà; imma trid tkun vuċi favur is-sewwa. Fil-ħajja ma tistax togħġob lil kulħadd. Trid tkun favur l-awtonomija u l-indipendenza tal-poplu.

Il-festa tal-Vitorja tiġi wkoll biex aħna nipperswadu ruħna li l-gwerra qatt mhi soluzzjoni u li l-aggressjoni hija l-agħar politika.

Aħna ma nistgħux niċċelebraw il-festa tal-Vitorja u ngħidu kemm għamilna sew. Kemm mietu nies minn kull naħa f’dawn iż-żewġ trawmiet li qegħdin niċċelebraw? Aħna niftakru fil-vittmi tan-naħa tagħna u ninsew li s-suldati vittmi tan-naħa l-oħra kellhom ukoll ommijiet, missirijiet, ulied u aħwa. Il-festa tal-Vitorja tiġi wkoll biex aħna nipperswadu ruħna li l-gwerra qatt mhi soluzzjoni u li l-aggressjoni hija l-agħar politika.

Għalkemm il-vuċi tagħna hija żgħira — biex ma jkollniex kumplessi strambi ta’ megalomanija (meta persuna tkun ossessjonata bix-xewqa tal-poter) — bil-vuċi żgħira tagħna aħna rridu ngħidu li aħna neżistu u nixtiequ nkomplu neżistu. Għandna dritt tas-solidarjetà internazzjonali bħala ħarsien tas-sigurezza tagħna, bħalma kif wara kollox tgħallimna l-istorja. Mingħajr is-solidarjetà li ġiet minn Sqallija ma konniex nirbħu fl-Assedju l-Kbir, u lanqas fit-Tieni Gwerra Dinjija. Qed ngħid dan biex ma tikbirx wisq rasna għax l-istorja tagħmlek għaref u umli.

Ħaġa li nixtieq li nirringrazzja lill-Istat Malti u lill-ġenerazzjonijiet ta’ politiċi taż-żewġ naħat għaliha hija li mill-Indipendenza ’l hawn Malta żgur dejjem insistiet li sigurezza tagħha mhix mifruda mis-sigurezza fil-Mediterran; li aħna m’aħniex siguri tassew jekk m’hemmx sigurezza f’dan il-baħar. Sfortunatament illum għandna pajjiż enormi fejn id-deċiżjonijiet li qed jieħdu l-politiċi tiegħu huma deċiżjonijiet ta’ aggressjoni u ta’ suppervja u ta’ arroganza; li ormaj għandu portijiet li jagħtuh aċċess iżjed faċilitat għall-Mediterran. Inkunu boloh jekk fid-diskorsi internazzjonali tagħna ma nagħrfux li ħadd mhu immuni; u li kulħadd irid jafda fis-soluzzjonijiet dipmlomatiċi, paċifiċi, imma ġusti. Le għall-aggressjoni! Iva għas-solidarjetà bejn il-pajjiżi, li hija verament s-sigurezza!

I will like to share a brief summary of my reflections with the members of our diplomatic corps. We are today celebrating two important anniversaries in our country’s system. We call them ‘victories’ but they are actually the end of two traumatic episodes: The Great Siege of 1565 and the Second World War of 1943. We were victims of aggression from outside, but we also could overcome the trauma because of solidarity from outside. In 1565, the siege was lifted because of what we called The Gran Soccorso, the help which came from Sicily. On the 7th of September 1942, the Italian Navy surrendered in the Grand Harbour because we were part of the allied group that won. We could have lost because in 1942 we were led to famine.

This means that we need to be wise and humble when we realize that in today’s world, aggression and conflict, are unfortunately still a language we humans use with each other. 

When a veto-holding member use aggression in its politics is a humiliation to the United Nations and to United Nations Security Council. It is a humiliation! And we Maltese, a small island nation, will always claim our right to auto-determination, but we also understand that we cannot live security without everybody else being secure. When one nation is not secure, because of the aggressive policies of others, we do not feel secure. We are right to ask “Who is next? Are we next?”. We do not know. This is the dilemma that is facing humanity. And so, as we pray today through the intercession of Our Lady, we ask that humanity truly prevails, that wisdom truly prevails, and as we celebrate victories we become wiser and more humble.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa:
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1:1-16, 18-23