Gwanni 6,22-29
L-għada, in-nies li kienu għadhom in-naħa l-oħra tal-baħar raw li hemmhekk ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda u li Ġesù ma kienx tela’ fiha mad-dixxipli tiegħu, imma li d-dixxipli kienu marru weħidhom. Mela waslu xi dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr. Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?” Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.” Mbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.”