• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     


  • Iċ-Ċentru Ewkaristiku, il-Marsa

    29 ta’ Settembru 2018

    Il-Fergħa Ewkaristika hi marbuta mal-qalba tal-fidi tagħna: l-Ewkaristija, il-preżenza reali ta’ Ġesù li għażel li jkun magħna hekk mill-qrib u li jingħata għalina. Għalhekk għandha tifsira speċjali ċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu llum f’din il-quddiesa.

    Nixtieq li b’rabta mal-Kelma ta’ Alla li għadna kif smajna kif ukoll fid-dawl tal-Istatut tal-Fergħa Ewkaristika llum insemmi tliet punti li huma marbuta mal-Ewkaristija u li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-membri tal-Fergħa Ewkaristika u għal dawk kollha li jiġu hawn.

    X’tagħmel l-Ewkaristija f’ħajjitna?


    L-Ewkaristija tgħaqqadna flimkien

    L-Ewkaristija tgħaqqadna flimkien ma’ Alla u bejnietna. L-ewwel nett tgħaqqadna ma’ Alla għax fl-Ewkaristija għandna l-preżenza tiegħu ħajja u ningħaqdu miegħu bl-iktar mod qrib. Hu qalilna li rridu nkunu magħquda miegħu bħalma fergħa tkun magħquda mad-dielja. Minnu nirċievu l-ħajja, permezz tiegħu li aħna ngħixu, u meta nkunu tassew magħqudin miegħu hu jagħtina l-qawwa biex ngħixu magħqudin bejnietna.

    Fl-Ewkaristija niċċelebraw is-sabiħ tad-diversità fl-unità.

    L-Ewkaristija tgħaqqadna bejnietna għax aħna nirċievu u nieħdu sehem mill-istess ġisem ta’ Kristu u għalhekk nistgħu ninbnew tassew bħala l-komunità tiegħu, bħala l-familja tiegħu. L-Istatut tal-Fergħa Ewkaristika jenfasizza dan il-punt f’numru 4. Jispjega kif Ġesù talab b’insistenza għad-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena: li jkunu lkoll ħaġa waħda. Fl-Ewkaristija niċċelebraw is-sabiħ tad-diversità fl-unità. L-Ewkaristija tgħinna biex ikollna qalb miftuħa għal kulħadd, kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju u smajna wkoll fl-Ewwel Qari. Qatt ma għandna nħarsu lejn l-oħrajn qishom kontrina jew aħna kontriehom.

    Irridu naħdmu kontra dak kollu li jifridna. Nafu li x-Xitan jaħdem minn taħt billi jipprova jifred lill-istess nies li jemmnu fi Kristu, inissel fosthom il-firda. Għalhekk għandna nitolbu biex l-Ewkaristija tgħinna nkunu dejjem strumenti ta’ għaqda, biex l-għaqda nibżgħu għaliha, u fejn ixxellfet nagħmlu ħilitna biex infejquha.


    L-Ewkaristija hija l-ikel li jsostnina

    Fil-mixja tagħna tal-ħajja, neħtieġu l-Ewkaristija bħala dak l-ikel li jsostnina u li jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.  Il-qaddisin spjegawha b’dan il-mod: l-ikel li nieklu kuljum biex ngħixu aħna nibdluh fina; imma l-Ewkaristija li nirċievu tibdel lilna fi Kristu, tgħinna nsiru aktar nixbhuh. Hi l-Ewkaristija li tgħinna biex ikollna aktar l-ispirtu ta’ Ġesù f’ħajjitna u nsiru nixbhuh fl-attitudnijiet kif ukoll fl-għażliet li nagħmlu.

    L-Ewkaristija ġġeddidna. L-ikel li jagħtina Ġesù jqawwina fil-mumenti ta’ tentazzjoni meta jkollna nagħmlu għażliet ibsin kif isemmi Ġesu fl-Evanġelju llum meta jgħidilna: dak li hu ta’ tfixkil f’ħajtek, aqtgħu ’l barra. Hi l-Ewkaristija li ssostnina u tagħtina l-qawwa li neħtieġu biex nagħmlu dan; u dan l-ikel iwassalna għall-ħajja ta’ dejem.

    L-Ewkaristija tgħinna noħorġu minna nfusna u nkunu tassew qaddejja tal-oħrajn kif għallimna Ġesù.

    L-Ewkaristija tagħmilna nies qaddejja

    L-Ewkaristija tfisser servizz: li ħajti ngħixha bħala għotja, fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Nixtieqkom tinnotaw il-kliem stess tal-konsagrazzjoni: “Dan huwa Ġismi li jingħata għalikom … id-Demm li jixxerred għalikom”. Dan il-kliem hu l-istess kliem li qal Ġesù fl-Aħħar Ċena u hu kliem li jesprimi l-ħajja kif għexha Ġesù. Hemmhekk għandna programm ta’ ħajja li ma jħalliniex infittxu biss il-kumdità tagħna, dak li jissodisfana, infittxu lilna nfusna, kif smajna fl-Ittra ta’ San Ġakbu. L-Ewkaristija tgħinna noħorġu minna nfusna u nkunu tassew qaddejja tal-oħrajn kif għallimna Ġesù. Dan nagħmluh ma’ dawk li huma qrib tagħna l-ewwel, imma wkoll ma’ dawk li tbiegħdu mill-fidi jew mill-Knisja u li jeħtieġu min iħeġġiġhom. Inkunu ta’ servizz ma’ dawk li huma fil-bżonn jew għaddejjin minn tbatija.


    Marija

    Marija, Omm Ġesù u ommna lkoll, hi dik li tagħtina l-isbaħ eżempju ta’ dak li tfisser l-Ewkaristija f’ħajjitna. Nitolbuha biex tgħinna niftakru li flimkien mas-sehem tagħna fil-quddies, fl-adorazzjoni u talb ieħor—li kollu hu tant importanti—aħna għandna ngħixu l-Ewkaristija li niċċelebraw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nitolbu li l-Ewkaristija tgħaqqadna flimkien, tkun għalina l-ikel li jsostnina, u tagħmilna aktar qaddejja tal-oħrajn kif irid minna Ġesù.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa: 
    Qari I: Num 11:25-29
    Salm: 18 (19)
    Qari II: Ġak 5,1-6
    Evanġelju: Mk 9,38-43.45.47-48