F’ittra li bagħat lill-Arċisqof Julian Barrio ta’ Santiago de Compostela fi Spanja, f’għeluq is-Sena Mqaddsa f’Compostela, il-Papa qal li l-Ewropa għandha ssaħħaħ l-għeruq insara tagħha. Fi kliemu, dawk kollha li dis-sena għamlu l-pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela “għandhom jirritornaw fi djarhom bħalma d-dixxipli t’Emmaws irritornaw f’Ġerusalemm”. Żied li wieħed ma jistax ikun xhud kredibbli t’Alla jekk jonqos milli jikkollabora u jservi lill-poplu. Dan is-servizz lejn fehim profound u lejn id-difiża kuraġġuża tal-bniedem qal li hu rekwiżit evanġeliku u kontribuzzjoni essenzjali li l-insara jeħtieġ jagħtu lis-soċjeta.
Meta kien qed jindirizza liż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li qal li se jkun qed jiltaqa’ magħhom f’Madrid għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Benedittu XVI inkoraġġihom iħallu lil Ġesu jiġbidhom, inkoraġġihom ukoll jidħlu fi djalogu liberu u seren miegħu. Il-Kap tal-Knisja Kattolika ħeġġeġ ukoll lis-seminaristi sabiex jidentifikaw irwieħhom iktar ma’ Ġesu. Fi kliemu, il-vokazzjoni saċerdotali hi rigal li jagħmel lill-imsejjaħ kburi.
Temm jappella għal tisħiħ tal-għeruq insara fl-Ewropa u anki żjieda fl-impenn għas-solidarjeta u d-difiża tad-drittijiet umani.