Meta l-Papa Benedittu XVI se jkun qed jagħmel żjara statali fir-Renju Unit bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru li ġej, kull persuna madwar id-dinja se tkun tista’ ssegwi xandiriet trasmessi diretti fuq it-televiżjoni fuq l-istazzjon EWTN, l- Eternal Word Television Network.
Dan in-network televiżiv ħabbar li se jkun qed jitrasmetti direttament iż-żjara tal-Papa fl-Ingilterra u l-Iskozja fuq it-televiżjoni bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż. L-attivitajiet se jkunu wkoll aċċessibbli online fuq l-internet permezz tas-sit tal-organizzazzjoni. Dan minbarra xandiriet diretti fuq ir-radju tal-istess network.
Raymond Arroyo, mill-EWTN, li se jkun qed jirrapporta, qal li “fl-opinjoni tiegħi din iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI fir-Renju Unit għandha l-istess sinifikat li kellha għall-Papa Ġwanni Pawlu II ż-żjara lejn il-Polonja”.
L-EWTN se toffri wkoll intervisti varji b’esperjenzi umani u ta’ fejqan bl-interċessjoni tal-Kardinal John Henry Newman li se jkun beatifikat waqt din iż-żjara mill-Papa nnifsu. Intervista oħra, fost oħrajn, hi mal-Kardinal Cormac Murphy O’Connor, li kien Arċisqof ta’ Westminister.
IRONDALE, Alabama, (Zenit.org)