Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Qabel nibdew il-katekeżi tal-lum, nixtieq insellem lil grupp ta’ koppji li qed jiċċelebraw il-ħamsin anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Forsi m’huwiex dan “l-inbid tajjeb” tal-familja! Din tagħkom hi xhieda li l-miżżewġin ġodda – li mbagħad insellmilhom wara – u ż-żgħażagħ għandhom x’jitgħallmu minnha. Hi xhieda sabiħa. Grazzi tax-xhieda tagħkom. Wara li kkummentajt xi parabboli tal-ħniena, il-lum nixtieq li nieqfu fuq l-ewwel fost il-mirakli ta’ Ġesù, li l-evanġelista Ġwanni jsejħilhom “sinjali”, għax Ġesù ma għamilhomx biex in-nies tistagħġeb, imma biex jurihom l-imħabba tal-Missier. L-ewwel fost dawn is-sinjali ta’ l-għaġeb jirrakkuntah propju Ġwanni (2:1-11) u jitwettaq f’Kana tal-Galilija. Qisna għandna quddiemna xorta ta’ “bieb tad-dħul”, li fuqu huma mnaqqxa kelmiet u espressjonijiet li jdawlu l-misteru kollu ta’ Kristu u jiftħu l-qalb tad-dixxipli għall-fidi. Ħa naraw xi wħud minnhom.
Fl-introduzzjoni nsibu l-espressjoni “Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu” (v. 2). Lil dawk li sejħilhom jimxu warajh Ġesù rabathom miegħu f’komunità u issa, bħala familja waħda, kollha huma mistednin għat-tieġ. Meta jagħti bidu għall-ministeru pubbliku tiegħu fit-tieġ ta’ Kana, Ġesù juri ruħu bħala l-għarus tal-poplu ta’ Alla, imħabbar mill-profeti, u jurina l-profondità tar-relazzjoni li tgħaqqadna Miegħu: hu Patt ġdid ta’ mħabba. X’hemm fil-pedament tal-fidi tagħna? Għemil ta’ ħniena li bih Ġesù rabatna miegħu. U l-ħajja Nisranija hi t-tweġiba għal din l-imħabba, hi bħall-istorja ta’ żewġ namrati. Alla u l-bniedem jiltaqgħu, ifittxu lil xulxin, isibu lil xulxin, jiċċelebraw flimkien u jinħabbu: l-istess bħall-maħbub u l-maħbuba fl-Għanja ta’ l-għanjiet. Il-bqija jiġi kollu bħala konsegwenza ta’ din ir-relazzjoni. Il-Knisja hi l-familja ta’ Ġesù fejn tissawwab imħabbtu; hi din l-imħabba li l-Knisja tħares u tixtieq tqassam lil kulħadd.
Fil-kuntest tal-Patt nifhmu wkoll l-osservazzjoni tal-Madonna:“Ma għandhomx inbid” (v. 3). Kif tista’ tiċċelebra t-tieġ u tagħmel festa jekk hemm nieqes dak li l-profeti wrewh bħala element tipiku ta’ l-ikla messjanika (ara Għam 9:13-14; Ġoel 2:24; Is 25:6)? L-ilma hu meħtieġ biex wieħed jgħix, imma l-inbid jesprimi l-abbundanza ta’ l-ikla u l-ferħ tal-festa. Hi festa ta’ tieġ li minnha naqas l-inbid; minħabba dan il-miżżewġin ġodda waqgħalhom wiċċhom l-art bil-mistħija. Immaġinaw ftit tkunu f’festa ta’ tieġ u toqogħdu tixorbu t-te; tal-mistħija. L-inbid hu meħtieġ għall-festa. Meta jibdel fi nbid l-ilma tal-ġarar imqiegħda hemm “għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud” (v. 6), Ġesù jwettaq sinjal elokwenti: jibdel il-Liġi ta’ Mosè f’Vanġelu, iġib il-ferħ. Kif jgħid l-istess Ġwanni band’oħra: “Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè, imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu” (1:17).
Il-kliem li Marija tgħid lill-qaddejja jinkuruna dan il-kwadru tat-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (v. 5). Kurjuża din: dawn huma l-aħħar klemiet tagħha li jagħtuna l-Vanġeli: huma l-wirt li hi tħalli lilna lkoll. Anki l-lum il-Madonna qed tgħid lilna lkoll: “Kull ma jgħidilkom – Ġesù –, agħmluh”. Dan hu l-wirt li ħallietilna: kemm hu sabiħ! Din hi espressjoni li tfakkar fil-formula ta’ fidi li kien ilissen il-poplu ta’ Israel taħt is-Sinaj bi tweġiba għall-wegħdiet tal-patt: “Kull ma qal il-Mulej aħna nagħmluh” (Eż 19:8). U fil-fatt f’Kana l-qaddejja jobdu. “Ġesù qal lill-qaddejja: ‘Imlew il-ġarar bl-ilma’. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: ‘Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda’. U huma marru jagħtuhulu” (vv. 7-8). F’dan it-tieġ, tassew jitwaqqaf Patt Ġdid u lill-qaddejja tal-Mulej, jiġifieri lill-Knisja kollha, tiġi fdata l-missjoni ġdida: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. Li taqdi lill-Mulej ifisser tisma’ u tqiegħed fil-prattika l-Kelma tiegħu. Din hi r-rakkomandazzjoni sempliċi imma essenzjali ta’ Omm Ġesù u l-programm ta’ ħajjet in-Nisrani. Għal kull wieħed u waħda minna, li nixorbu mill-ġarra jfisser li nafdaw fil-Kelma ta’ Alla biex induqu mill-effikaċja tagħha fil-ħajja. Hekk, flimkien mal-kap tal-mejda li daq l-ilma mibdul fi nbid, anki aħna nistgħu nistagħġbu: “Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa” (v. 10). Iva, il-Mulej għadu jżomm dak l-inbid it-tajjeb għas-salvazzjoni tagħna, l-istess kif ikompli jnixxi mill-kustat minfud tal-Mulej.
L-għeluq tar-rakkont hu sentenza: “Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (v. 11). It-tieġ ta’ Kana hu ħafna iżjed minn sempliċi rakkont ta’ l-ewwel miraklu ta’ Ġesù. Bħal teżor f’senduq, Hu jħares fih is-sigriet tal-persuna tiegħu u l-iskop tal-miġja tiegħu: l-Għarus mistenni jiftaħ il-fesa tat-tieġ li għad titwettaq fil-Misteru ta’ l-Għid. F’din il-festa, Ġesù jorbot miegħu lid-dixxipli tiegħu b’Patt ġdid u għal dejjem. F’Kana d-dixxipli ta’ Ġesù jsiru l-familja tiegħu u f’Kana titwieled il-fidi tal-Knisja. Għal dak it-tieġ aħna lkoll mistiedna, biex ma jonqos qatt l-inbid il-ġdid!
Traduzzjoni: Francesco Pio Attard