L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nibdew sena ġdida, nisimgħu l-barka sabiħa fuq il-poplu ta’ Alla: “Ibierkek il-Mulej, u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26).

Dawn huma tliet valuri sbieħ li nixtieq noffri u nawgura lill-poplu għażiż tagħna, minn dan il-post qaddis u għażiż, mid-Dar tal-Providenza, aħna u nibdew sena ġdida, nibdew ukoll il-maratorna ta’ solidarjetà b’risq din in-netwerk ta’ djar, fejn il-persuni ħutna jkunu jistgħu jgħixu kemm jista’ jkun b’awtonomija u jkollhom il-kura meħtieġa. Ibierkek, iħarsek, jurik il-ħniena, u jagħtik is-sliem.

Kemm hu sabiħ li din is-sena hi wkoll sena speċjali tal-Ġublew, li għal kull wieħed u waħda minna trid tkun festa kbira ta’ ħniena. Aħna nħossu l-barka tal-Mulej, fil-ħarsien tiegħu, fil-ħniena li jurina, u fil-paċi li jkollna fil-qalb tagħna.

L-ewwel nett għandna bżonn li l-Mulej iħarisna, bħalma nitolbu fit-talba li għallimna l-Mulej Ġesù: aħfrilna dnubietna… eħlisna mid-deni. Il-ħarsien tal-Mulej hu dak li tassew  jindukrana. Nitolbu fuq kull wieħed u waħda minna, il-ħarsien ta’ Alla li hu mħabba. Imma tajjeb ukoll li nitolbu, li l-Mulej juri magħna ħniena. Is-sena tal-Ġublew hi sena partikolari, fejn aħna niċċelebraw u nħossu l-ħniena ta’ Alla fuqna. U nagħmluha wkoll billi nħennu għalina nfusna, u għal xulxin. Ejjew inħossu din il-barka sabiħa tal-Mulej.

Dan hu wkoll post qaddis, għax meta inti tiltaqa’ ma’ ħutna residenti hawnhekk, qed tiltaqa’ ma’ Kristu

Dan hu post qaddis, għaliex il-Papa Franġisku jixtieq, li meta nżuru postijiet, bħalma hi d-Dar tal-Providenza, aħna nkunu qegħdin niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu. Aħna wkoll, nilqgħu, u allura nibbenefikaw mill-ħelsien tat-tpattija kollha ta’ ħtijietna. Fl-aħħar ta’ din il-quddiesa llum, inħabbar il-lista ta’ knejjes f’Malta, li meta wieħed imur jitlob fihom jaqla’ l-ħelsien mit-tpattija kollha ta’ dnubietu; imma dan hu wkoll post qaddis, għax meta inti tiltaqa’ ma’ ħutna residenti hawnhekk, qed tiltaqa’ ma’ Kristu; u qed tagħmel pellegrinaġġ lejn Ġesù, u tirċievi l-ħelsien mit-tpattija kollha ta’ dnubietek.

Il-maħfra tiġi permezz tal-qrar imma d-dnub iħalli effetti li hemm bżonn ninħelsu minnhom; u l-Knisja, f’dawn il-mumenti speċjali tagħti din il-grazzja. Hi messaġġiera ta’ grazzja kbira. Dan il-ħelsien mit-tpattija tad-dnub, li nistgħu napplikawh ukoll għall-għeżież tagħna mejtin. U allura, ejjew nibdew mill-Ewwel Jum tas-sena, ingawdu din is-sena ta’ grazzja, u ngawdu din il-festa ta’ ħniena li jrid fuqna l-Mulej.

Is-sena tal-Ġublew hi sena partikolari, fejn aħna niċċelebraw u nħossu l-ħniena ta’ Alla fuqna. U nagħmluha wkoll billi nħennu għalina nfusna, u għal xulxin.

“Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:26) Hanwhekk, fid-Dar tal-Providenza, aħna lkoll Maltin u Għawdxin, inħarsu lejn ħutna bi mħabba kbira. Hawnhekk il-Mulej iħares bi mħabba fuq uliedu, u jalla li kull wieħed u waħda minna, jagħtina s-sliem.

L-ewwel jum tas-sena hu wkoll Jum il-Paċi. Ejjew nitolbu ħafna, anke minn dan il-post għażiż, għall-paċi fid-dinja: l-Ukrajna, Gaża u Iżrael, is-Sirja, il-Lebanon, dawn huma artijiet, uħud minnhom fil-Mediterran, l-Ukrajna fl-Ewropa, qrib tagħna. Hemm postijiet oħra fid-dinja, li huma vittmi ta’ vjolenza, ta’ aggressjoni, ta’ gwerer. Ejjew nitolbu lill-Mulej iberikna bil-paċi tal-qalb tagħna.

U biex nieħu spunt mir-riflessjoni sabiħa li għamlulna t-tfal fil-bidu ta’ din il-quddiesa, ejjew nippruvaw f’din is-sena ta’ ħniena, meta nagħtu kelma, inżommuha.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 6:22-27
Salm: 66(67):2-3,5,6,8
Qari II: Gal 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 2:16-21

Aktar ritratti